Għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet biex l-Erbgħa waranofisnhar il-poplu Malti u Għawdxi jiċċelebra l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem li din is-sena se jiġi ċċelebrat fl-isfond ta’ żewġ appuntamenti elettorali importanti tal-25 ta’ Mejju ġej li matulhom se nagħżlu r-rappreżentanti tagħna għall-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew.
Fl-isfond tal-ħaddiema u l-voluntiera tal-Partit Laburista jarmaw l-armar meħtieġ għall-attività ta Jum il-Ħaddiem, is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista William Lewis qal li l-Partit Laburista dejjem ta importanza xierqa lill-festa tal-Ħaddiema, u din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni.
“Apparti li l-1 ta’ Mejju hija festa tal-Ħaddiem, qegħdin f’kampanja elettorali, u għalhekk, se nagħtuha l-importanza li jistħoqqilha biex inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna. Se jkollna attività b’artisti lokali u internazzjonali, żewġ baned iduru mal-Belt Valletta. Il-qofol jintleħaq bid-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex nuru kemm Malta hija f’qalbna.”
Fid-dawl tal-fatt li mistennija jkunu eluf kbar li jattendu l-attività, il-Partit Laburista ħa ħsieb li jalloka postijiet għall-persuni b’diżabilità u li t-trasport ikun organizzat.
Fil-fatt il-vjaġġi tat-trasport pubbliku se jkunu aktar spissi waqt li se jkun hemm vapur dirett għall-Port il-Kbir minn Għawdex li jitlaq fis-siegħa ta’ waranofsinhar.
Waqt li ħeġġeġ lil Għawdxin jaqtgħu malajr il-biljetti għall-vapur, fakkar li l-Kumitati lokali tal-Partit Laburista se jorganizzaw trasport minn kull lokalità madwar Malta.