Il-Festival SummerDaze, li hu magħruf għall-briju u d-divertiment mill-aqwa li jġib miegħu reġa’ magħna għas-sitt edizzjoni tiegħu.
Żewġ kunċerti kbar, fil-qofol ta’ dan l-avveniment ewlieni, se jiġu organizzati din il-ġimgħa fl-ispazju miftuħ f’Ta’ Qali. L-ewwel wieħed se jsir għada (llum) f’nhar Santa Marija, b’kollaborazzjoni mal-BBC Radio 1 Dance Anthems X u Creamfields, filwaqt li t-tieni se jsir nhar il-Ġimgħa, 18 t’Awwissu, b’kollaborazzjoni ma’ Radju M20.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr li s-sena 2023 diġà rat irkupru b’saħħtu turistiku fl-ewwel sitt xhur tagħha u dan il-festival qed jattira eluf ta’ turisti kemm dawk li jinzertaw kif ukoll oħrajn li jiġu apposta għalih.
Bartolo qal ukoll li għas-SummerDaze ta’ din is-sena hu mbassar li jattendu ’l fuq minn 45,000 persuna, li jagħmlu wieħed mill-akbar festivals tal-2023, bis-sehem ta’ artisti ta’ kwalità minn diversi ġeneri li jwessgħu l-perspettiva ta’ persuni li jattendu.
Qal, “Dan kollu jkompli jibni fuq prodott turistiku diversifikat li kapaċi joffri pajjiżna u apparti wkoll il-ħidma tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li nkomplu nattiraw diversi niċeċ ta’ turisti lejn pajjiżna ħalli b’hekk verament ikollna turiżmu sostenibbli għaż-żmien li ġej.”
L-avveniment tal-15 ta’ Awwissu se jinkludi bosta ikoni tal-mużika, fosthom Black Eyed Peas, Zara Larsson, Farruko u D Block Europe, appoġġjati mid-DJ Charlie Hedges tal-BBC Radio 1.
Min-naħa l-oħra, fit-18 ta’ Awwissu, l-udjenza se jkunu divertita minn artisti ekstravaganti Taljani Albertino, Fargetta, Molella e Prezioso ta’ Deejay Times, Salmo, Elettra Lamborghini, Fred de Palma, flimkien mal-istilel tad-disgħinijiet Haddaway u Double You.
Iċ-Chairperson tal-MTA, Gavin Gulia, qal li festivals bħal dawn huma ferm important fejn jidħol l-aspett turistiku.
Qal, “L-aktar effett importanti hu li jiġġenera t-turiżmu, jiġifieri t-tour operators li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb dawn l-events li jkunu qegħdin jaħdmu mal-organizzaturi għar-reklamar tagħhom, bħalma l-MTA tkun għamlet ir-reklamar tagħha, u allura t-turist jiġi f’Malta apposta biex isegwi attivitajiet bħal dawn.”