Għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-avveniment ‘Oh My Malta!’ li se jkun qed jittella’ fi Pjazza Tritoni għada filgħaxija.
Dan l-avveniment se jkun qed jinkludi spettaklu mill-isbaħ fuq palk li ntrama apposta u li se jkun qed jibda fis-18:00 ta’ filgħaxija fi Pjazza Tritoni, bil-pubbliku kollu hu mistieden biex jattendi bi ħġaru għal avveniment uniku li fih se jiġi ċċelebrat il-messaġġ ġdid li qed jippromwovi lil Malta, ‘Oh My Malta!’.Kien vlogger Iżraeljan, Nuseir Yassin, li hekk kif wasal Malta flimkien mat-tim tiegħu, li wkoll joħolqu filmati onlajn, li ħareġ b’dan il-messaġġ hekk kif ma setax jemmen dak kollu li toffri Malta.
B’filmat wieħed isbaħ minn ieħor li jippromwovu s-sbuħija ta’ Malta u kif ukoll id-diversitá li fiha, filmati li ttellgħu fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook Nas Daily u li fiha għandu kważi sitt miljun segwaċi, dan il-messaġġ intgħoġob minn bosta tant li issa qed jippruvaw jagħmlu dan il-messaġġ bħala dak uffiċjali għal min iżur u jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni li wieħed għandu jżur.
Kien għalekk li għada se jkun qed jittella’ spettaklu mill-isbaħ b’kolaborazzjoni mal-Malta Tourism Authority, fejn Nas Daily qed jitlob biex kulħadd jattendi hekk kif qed jipprova jgħaqqad 1% mill-popolazzjoni f’post wieħed biex flimkien iwasslu l-messaġġ ta’ ‘Oh My Malta!’.