Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-provi tal-festival MUŻIKA MUŻIKA fl-MFCC, Ta’ Qali, fejn iltaqa’ mal-mużiċisti, mal-kantanti u mal-organizzaturi.
Il-Ministru Bonnici qal li sena wara oħra dan il-festival jibqa’ jkun ta’ suċċess. Għat-tielet sena, dan il-festival ser jiċċelebra l-kanzunetta Maltija u lsien twelidna permezz ta’ 20 kanzunetta oriġinali bil-Malti.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li bħalissa t-tekniċi u l-artisti għaddejjin bl-aħħar preparamenti u provi flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku jsegwi u jagħti sapport lill-artisti lokali.
Il-Kap Eżekuttiv Annabelle Stivala qalet li biex jittella’ dan il-festival, hemm bżonn madwar 300 ruħ fosthom tekniċi, artisti, mużiċisti, tim ta’ produzzjoni u oħrajn.
Mużika Mużika ser jsir nhar il-Ħamis 23, il-Ġimgħa 24 u s-Sibt 25 ta’ Marzu fl-MFCC, Ta’ Qali. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti żur muzikamuzika.mt.