Ftit aktar minn mitt ġurnata ‘l bogħod mill-bidu tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, tħabbru d-dati tal-avvenimenti sportivi ta’ dawn il-logħob, flimkien mal-faċilitajiet fejn se jkunu qed isiru.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet tħabbar kif pajjiżna se jkollu 250 atleta jirrappreżentaw lil Malta, u fid-disgħa u għoxrin ta’ Mejju, jumejn wara li jaslu d-delegazzjonijiet barranin, jiftħu uffiċjalment il-kompetizzjonijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar spjega li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern kien strumentali biex pajjiżna jkun jista’ jospita dawn il-logħob.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Isport Clifton Grima stqarr li f’dawn l-avvenimenti, se jkunu qed jintużaw faċilitajiet tal-ogħla kwalità, u li permezz ta’ dawn il-logħob, it-tfal u ż-żgħażagħ se jkollhom opportunità oħra sabiex jikbru fl-isport u japprezzawh.
Huwa stqarr li bħal bosta Maltin u Għawdxin, il-ħolma tiegħu hija li jara Maltin jieħdu dak li ħaqqhom fuq il-podium tar-rebbieħa, u awgura l-aqwa riżultati lill-atleti Maltin u Għawdxin kollha.
Ma’ ONE News, il-Ministru Grima tkellem dwar il-ħidma bla waqfien li saret sabiex dawn il-logħob jittellgħu bl-aktar mod professjonali.
“Bħala pajjiż poġġejna, il-Gvern, il-Kumitat Olimpiku Malti, anke Sport Malta dak iż-żmien, sabiex propju naraw li nkunu kapaċi norganizzaw dawn il-logħob, u dawn il-logħob ikunu suċċess. Sar investiment f’dik li hija infrastruttura sportiva, għexieren ta’ miljun li ġew investiti fl-isportivi tagħna, sar investiment fl-assoċjazzjonijiet li se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-għaxar dixxiplini differenti, kif ukoll ftehim tawwali mal-Kumitat Olimpiku Malti.”