Fi tmiem din il-ġimgħa, pajjiżna se jkun qed jospita l-Ministri tal-Intern u l-Immigrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja sabiex jiddiskutu pożizzjoni komuni bejniethom dwar l-immigrazzjoni, ftit jiem qabel il-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Intern, sabiex il-ħames pajjiżi jmorru b’pożizzjoni waħda għal-laqgħa tal-Kunsill.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern spjega li għal din il-laqgħa, imsejħa bħala l-MED5, ġiet mistiedna wkoll il-Ministru għall-Immigrazzjoni Svediża f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll id-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija FRONTEX.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li din hija opportunità tad-deheb għal Malta sabiex tkompli tkun leader f’dan il-qasam, u tilħaq ftehim sabiex il-pajjiżi kollha tal-MED5 ikollhom l-istess pożizzjoni quddiem il-Kunsill tal-Ministri fil-jiem li ġejjin.
Camilleri sostna wkoll li Malta, flimkien mal-pajjiżi tal-Mediterran, ser tkompli tisħaq għal politika li tiġġieled it-traffikanti tal-bnedmin u li sussegwentament tnaqqas l-imwiet fuq il-baħar. Dan flimkien li tadvoka għal politika aktar ġusta li tiżgura li tingħata protezzjoni lil minn verament ħaqqu, filwaqt li nies li ma għandhomx dritt joqgħodu fl-Unjoni jiġu rritornati lura lejn pajjiżhom.