Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex għada filgħaxija, il-Fosos tal-Furjana jilqgħu lill-kantant leġġendarju Ingliż Robbie Williams.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, jum qabel, ingħad li għal dan il-kunċert mistennija jattendu mal-20,000 persuna, bejn Maltin u turisti li ġejjin apposta għalih.
Carlo Micallef, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, qal li dan hu sajf memorabbli b’numru qawwi ta’ kunċerti li kien hawn f’pajjiżna f’dan il-perjodu. Hu qal li dan il-kunċert ukoll se jagħmel reklam lil pajjiżna.
“Robbie Williams jappella għad-demografija ta’ nies ta’ etajiet differenti. Niftakru 20, 25 sena ilu, jibda l-karriera tiegħu u għadu wieħed mill-aqwa artisti sal-lum. Għalhekk dan it-tip ta’ artist jappella għall-udjenza iżjed matura u aħna fil-kunċerti u festivals li kellna, varjajna biex nappellaw għal kull età.”
Carlo Micallef – Kap Eżekuttiv MTA
Wieħed mill-organizzaturi ta’ dan il-kunċert, Mark Grech, sostna li dan l-avveniment seta’ jsir biss bl-għajnuna li toffri l-MTA.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, sostna li f’pajjiżna se jkun hawn wieħed mill-aqwa artisti li qatt żarna.
“Robbie Williams f’pajjiżna jfisser li għal darb’oħra qegħdin immorru għal divertiment tal-ogħla livell. Irridu naraw li jkollna s-settur lokali, b’għajnuna wkoll tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li jkompli jinvesti f’divertiment ta’ dan il-livell, għax irridu ngħollu l-kwalità wkoll tat-turist li jiġi f’pajjiżna u kif ukoll ngħollu l-livell ta’ għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Clayton Bartolo – Ministru għat-Turiżmu