Il-Ħadd fis-sitta ta’ filgħaxija, il-Partit Laburista se jfakkar s-46 anniversju mill-kisba tal-Ħelsien, f’Xatt ir-Risq fil-Birgu.
Waqt din l-attivita, li se jindirizzaha l-Prim Ministru u Mexxej Laburista se ssir il-mixgħela tal-fjamma fuq l-Għolja tal-Ħelsien, fejn din is-sena se tittella’ b’animazzjoni speċjali.
ONE News żar l-aħħar preparamenti li qed iseħħu fil-Birgu sabiex tittella’ din iċ-ċelebrazzjoni mill-isbaħ.
Tkellimna mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis fejn spjega dak li hemm mħejji għall-pubbliku.
“Ovvjament, din l-attività bħalma qisna drajna li tkun, mqasma bejn mużika, qari letterarju kif ukoll id-diskorsi storiċi. Ovvjament, il-qofol jintlaħaq bid-diskors tant importanti anke fis-sitwazzjoni internazzjonali ta’ bħalissa, tal-Prim Ministru Robert Abela.”
William Lewis – Uffiċjal Organizzativ PL
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit, Leonid McKay, fejn kompla bl-appelli tiegħu.
“Din is-sena xtaqna nuru illi l-ħelsien veru, il-ħelsien mill-faqar, il-ħelsien miċ-ċensura, il-ħelsien mill-preġudizzji. Ma setax ikun possibbli mingħajr il-ħelsien ekonomiku. U allura, il-Partit Laburista għada stess ħa jkun qed jiċċelebra bil-kbir inkluż anke wkoll animazzjoni speċjali tal-mixgħela tat-torċa. Naħseb bħala Partit Labursita, ninħeġġeġ lin-nies, nagħmel appell biex jingħaqdu magħna, għada filgħaxija mis-sitta ’l quddiem.”
Leonid McKay – Kap Eżekuttiv PL
Apparti dan, se tkun qed tiġi ppublikata wkoll edizzjoni speċjali tal-gazzetta KulĦadd li se titratta t-triq ta’ Malta ħielsa, addizzjonali mal-gazzetta li toħroġ ta’ kull nhar ta’ Ħadd.
Dan filwaqt li l-Ħadd fl-għaxra ta’ filgħodu, l-istazzjon ONE se jxandar id-dokumentarju li xxandar il-ġimgħa l-oħra meta s-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista inqelbet f’ċinema.