Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex il-Ħadd 7 ta’ Jannar it-Teatru Orpheum fil-Gżira jilqa’ fi ħdanu l-ewwel attività politika tal-Partit Laburista għal din is-sena.
Attività politika li se tinkludi d-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela propju sitt xhur qabel pajjiżna jmur għal żewġ appuntamenti elettorali f’Ġunju li ġej bl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.
Għaldaqstant, crew ta’ dan l-istazzjon żar it-teatru sigħat qabel titella’ din l-attività fejn tkellem mal-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard.
Fil-fatt, hija spjegat kif din l-attività se tkun qed timmarka l-bidu tal-kalendarju politiku bi tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet.
“Permezz ta’ din l-attività issa ser inniedu l-kalendarju politiku tal-Partit Laburista. Kalendarju politiku li se jarana naslu għal elezzjonijiet oħrajn, elezzjonijiet importanti ħafna, ferm diffiċli dejjem storikament għal min ikun fil-Gvern, il-partit li jkun fil-Gvern. Però aħna ninsabu fiduċjużi li darb’oħra nistaqsu għall-fiduċja tan-nies u n-nies, il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jurina l-fiduċja.”
Il-President tal-Partit Laburista nnotat ukoll is-sinifikat li din l-attività titella’ fl-Orpheum li tul is-snin serva ta’ post b’ħafna memorji politiċi.
Għaldaqstant, hija temmet tappella lill-pubbliku biex jattendi għal din l-attività politika biex jiltaqa’ mal-esponenti tal-Partit Laburista.
“Nistiednu lil kulħadd sabiex jiġi jiltaqa’ mal-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll mad-diversi membri tal-amministrazzjoni kif ukoll il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jiġi hawnhekk għal din l-ewwel attività fil-kalendarju politiku f’din is-sena li ser tkun verament impenjattiva u verament importanti għall-Partit Laburista.”
L-attività politika mistennija li tibda għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu.