Illum jingħata bidu għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.
Malta se tkun qed tospita dawn il-logħbiet, bis-sehem ta’ bosta atleti fosthom kontinġent Malti b’saħħtu.
Il-ftuħ se jsir fuq il-Fosos tal-Furjana b’avveniment mill-isbaħ fuq palk majestuż u ta’ kobor li jieħu tliet kwarti tal-Fosos, l-ewwel tip tax-xorta tiegħu.
Dalgħodu, il-Ministru Clifton Grima ippresjeda laqgħa mal-Ministri u l-uffiċjali tal-istati l-oħra. Dan flimkien ma’ bosta uffiċjali Maltin.
Ilbieraħ ONE News tkellem ma’ Rosemarie Mercieca, li tieħu ħsieb iċ-ċerimonji fi ħdan il-Kumitat Organizzativ tal-GSSE.
Qalet, “Min-naħa artistika se jkun tribute to sport u tribute lil bosta atleti li ilhom jagħmlu sagrifiċċji għal bosta snin. Apparti li l-avveniment se jpaxxi l-għajn, u li wieħed se jieħu gost jarah, se jkun hemm żfin, l-innu Malti kantat minn Joseph Calleja u se jkun passaġġ tal-atleti ta’ kif waslu s’hawnhekk.”
Spjegat kif il-palk se jkollu lil dawk preżenti maqsuma f’sezzjonijiet differenti skont l-irwol tagħhom – minn atleti, għal voluntiera, qraba u ħbieb tal-atleti u l-pubbliku ġenerali fost oħrajn.
Ix-xow se jkun twil disgħin minuta, bit-trażmissjoni tibda fid-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija u se ssir ukoll parata bit-timijiet tal-atleti minn kull pajjiż. L-ispettaklu jintemm billi tinxtegħel it-torċa u minn hemm jingħata bidu għal-logħob. Dan kollu se jixxandar dirett fuq ONE.
Dawk li ma laħqux jixtru biljett għas-serata, xorta waħda jistgħu jattendu fuq il-Fosos tal-Furjana u jsegwu dan l-ispettaklu grandjuż.