Għaxar snin b’Joseph Muscat fit-tmun tat-tmexxija tal-Partit Laburista, b’suċċessi bla preċedent imsejsa fuq viżjoni ċara: dik li Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa, se jiġu mfakkra b’ċelebrazzjoni għall-poplu kollu fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Bil-ħaddiema u l-voluntiera tal-Partit jarmaw għal din l-attività, kollox jinsab lest biex għada fis-6pm tibda l-attività bil-mużika fuq il-palk – bis-sehem ta’ DJs u preżentaturi bħal Joe Tanti, Clint Bajada u Alfred Zammit.
Se tagħti sehemha wkoll il-banda tal-Partit Laburista, li se tallegra lill-folla preżenti fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija.
Fis-sebgħa se jwasslu diskorsi kelliema interessanti li se jwasslu biex il-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Il-preparamenti loġistiċi ilhom għaddejjin; bil-parkeġġ ċentrali se jkun fil-Grawnd ta’ Pace Grasso u t-toroq tal-madwar.
Bħal f’kull attività oħra, il-Partit Laburista organizza t-trasport mil-lokalitajiet permezz tal-Kumitati.
Fuq pjattaforma għolja metru u nofs fi Pjazza riċentament riġenerata li se tagħti nifs ġdid lil waħda mil-lokalitajiet ewlenin fin-Nofsinhar tal-pajjiż, se jkun hemm għexieren ta’ persuni ta’ kull età fuq il-palk; b’entraturi apposta għal persuni bi problemi ta’ mobiltà.
Għaldaqstant l-appell biex kulħadd jattendi għal din l-attività; sabiex jintwera l-appoġġ lejn mexxej li fl-aħħar għaxar snin kien is-sors u l-katalist li għaqqad lill-Partit Laburista.
Bniedem li bena moviment ta’ progressivi u moderati madwar forza politika bla preċedent.
Kliem li għall-bidu ftit kienu jifhmuh; iżda li llum wassalna għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna; b’isem Joseph Muscat żgur li se jibqa’ mnaqqax fl-istorja glorjuża tal-Partit Laburista.