L-ewwel impenn tal-Papa Franġisku fil-Jum tal-Ħadd se jkun fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, Malta.
Din se tkun ir-raba’ żjara ta’ Papa fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat li hi meqjusa bħala l-benniena tal-Kristjaneżmu f’pajjiżna. Skont it-tradizzjoni, aktar minn elfejn sena ilu, San Pawl għix għal tliet xhur f’pajjiżna.
Fl-1990 u fl-2001, il-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni kien żar din il-Grotta, fl-2010 imbagħad kien ġie l-Papa Benedittu Sittax f’din il-grotta. Iż-żewġ Papiet fit-tliet żjarat tagħhom qattgħu mumenti ta’ talb f’din il-grotta.
L-Arċipriet tar-Rabat Dun Joseph Mizzi qal ma’ ONE News kif il-Papa se jkun qed jagħmel mumenti ta’ talb f’din il-grotta, filwaqt li se jirregala lampier wieqaf lill-grotta. Wara li jitla’ mill-grotta hu se jkun qed jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra u kif ukoll ma’ numru ta’ għaqdiet filantropiċi u residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Qal, “Hawnhekk huwa ċ-Ċentru, il-bidu tal-fidi Nisranija f’Malta. Meta San Pawl għamel dawk it-tliet xhur Malta għex hawnhekk u f’dawn it-tliet xhur aħna nafu kif jgħidilna l-atti tal-Appostli fejjaq ħafna morda kemm il-missier Publiju u anke Maltin. La darba kien qed jgħix din l-esperjenza Nisranija għamel l-ewwel ewkaristija u l-ewwel quddiesa, ħabbar l-ewwel kelma ta’ Alla u anke għammed l-ewwel Maltin.”
Segwejna wkoll l-aħħar preparamenti f’din il-grotta fejn fost oħrajn sar lift apposta sabiex il-Papa jkun jista’ jkun jista’ jinżel f’din il-grotta.
Qal, “Saru preperazzjonijiet biex il-Papa jkun jista’ jinżel b’mod komdu t-taraġ tal-grotta għax peress li hu taraġ wieqaf ħafna u daqsxejn tqil u iebes anke għal Papa li għandu l-età u jidħol fil-grotta u allura għandu mezzi tajbin biex ikun jista’ jinżel b’mod komdu allura sar platform lift biex jinżel u jitla’ b’mod komdu.”
Fl-istess Grotta ltqajna mas-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, dan se jkunu t-tieni Papa li s-Sur Craus se jilqa’ fil-lokalità tar-Rabat. Bħal ma sar fl-aħħar żjara tal-Papa f’Malta, iż-żewġ Baned Rabtin se jkunu qed idoqqu flimkien.
Qal, “Però fl-aħħar mill-aħħar tieħu pjaċir li tara unità, kulħadd għal għan wieħed li nagħtu tislima sabiħa lill-Papa u tara Rabat magħqud li m’hemmx aspetti ta’ politika, se jdoqqu banda waħda u t-tfal, entużjażmu. Allura hu ta’ ġieħ li jien se nkun qed nirrappreżenta lir-Rabtin biex nagħtu merħba lill-Papa.”
Intant, matul dawn il-jumejn ta’ żjara, il-Papa se jkun qed jirrisjedi fir-residenza tan-Nunzju Appostoliku f’Tal Virtù fir-Rabat stess. Fil-fatt diversi persuni matul dawn il-jumejn qed imorru jistennew bi ħġarom lill-Papa Franġisku fit-triq tas-Seminarju f’Tal Virtù fejn tinsab l-istess residenza.