Għaddejjin l-aħħar preparamenti fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta għall-attività li se tilqa’ s-sena l-ġdida.
F’konferenza tal-aħbarijiet jumejn qabel jittella’ dan l-avveniment, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef spjega li din l-attività se tkun bla ħlas u se tirritorna wara l-pandemija.
Għal din l-attività se jkun hemm fost l-aqwa talent lokali, waqt li dan l-ispettaklu se jixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom fuq l-istazzjon ONE.
Qal, “Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena, il-poplu Malti għandu post wieħed fejn imur, jagħżel awtomatikament il-Belt Valletta u allura dik tibni responsabilità partikolari fuqna, ħejjejna show enormi ta’ erba’ sigħat u nofs kontinwi fejn min ħa jiġi hawnhekk se jkun qed jieħu ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ u naturalment jilqa’ b’mod pożittiv ħafna s-sena 2023.”
Dan l-avveniment se jibda fid-disgħa ta’ filgħaxija u se jkun hemm il-countdown mat-tokki ta’ nofsillejl.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, li qal kif dan l-avveniment se jkun imżewwaq bit-talent lokali ta’ erbgħin artist.
Qal, “Jiena niftakar żmien fejn il-Belt Valletta kienet ċimiterju, tiġi l-aħħar tas-sena, tiġi s-sena l-ġdida u hawnhekk ikun hawn baħħ u ma jkun l-ebda attività ta’ xejn. Araw illum, araw l-attivitajiet ma jaqtgħu xejn, il-kunċerti sbieħ, ħwienet miftuħin, nies jieħdu pjaċir. Dik hija l-enerġija li daħħalna fil-Belt Valletta u rridu nkomplu ndaħħlu għax il-belt kapitali hija għal qalbna.”
Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet mistenni jkun hemm aktar minn ħamsin elf persuna u matul dan il-lejl, it-trasport pubbliku se jopera servizz speċjali.