L-eks President Amerikan Donald Trump qed jipprepara għal dik li sejjaħ bħala battlja, hekk kif nhar it-Tlieta huwa mistenni jibda’ jinstema’ l-każ kontrih fil-Qorti.
Dan b’rabta ma’ każ li jinvolvi lill-avukat ta’ Trump fejn qed ikun allegat li ta flus lill-pornstar Stormy Daniels biex ma titkellimx qabel l-elezzjoni tal-elfejn u sittax.
Wara li jibda’ jinstema’ l-każ, Trump mistenni jmur lura f’daru fi Florida, sabiex jindirizza dawk li jappoġġjawh.
Sorsi viċin il-każ qalu li Trump se jaffaċċja aktar minn tletin akkuża, fosthom li ffalsifika dokumenti sabiex seta’ jgħaddi l-flus lil Daniels.
B’rabta mal-każ, uffiċċjali mill-FBI, is-Servizz Sigriet u l-NYPD bdew iħejju għal dan il-jum, hekk kif l-NYPD intensifikat is-sigurtà fiż-żona b’anteċipazzjoni għal protesti madwar New York.
Intant, Trump, li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni għall-President is-sena d-dieħla, qal li dan huwa każ ta’ prosekuzzjoni politiku.