Mal-50,000 persuna mistennija jattendu għall-akbar avveniment tal-aħħar tas-sena f’pajjiżna, li jiġi organizzat fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt, u jista’ jitgawda b’xejn mill-pubbliku inġenerali.
It-Tnejn, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, akkumpanjat miċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef u s-Sindku tal-Lokal Olaf Mackey, żar l-aħħar tħejjijiet għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Dr Bonnici qal kif dan l-avveniment se jkompli jsaħħaħ isem Malta fuq skala internazzjonali bħala ċentru ta’ arti u kultura.
“Dak li ħa nuruk hawnhekk, dak li se nesebixxu hawnehkk, se jiġi kkonsmat mit-turisti li għandna f’pajjiżna bħalissa u anke ħafna barranin li jiġu f’pajjiżna u dan hu kollu frott pożittiv ħafna. Ukoll hi opportunità biex it-talent Malti jesebixxi dak li kapaċi joffri quddiem udjenza kbira ħafna li se tkun qed tiġi trasmessa fuq it-televiżjoni u l-portals soċjali u, allura, dawn huma kolla aħbarijiet sbieħ għas-settur kulturali u jiena kburi mmens bil-ħidma li qed inwetqu flimkien.”
Ministru Owen Bonnici
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta sostna li jinsab onorat li, għal darb’oħra, se jkun qed jittella’ l-akbar avveniment lokali bla ħlas fil-qalba tal-kapitali.
Hu appella lill-pubbliku biex Lejlet l-Ewwel tas-Sena jżur il-kapitali tagħna u jattendi għal dan l-avveniment, preferibbilment billi jagħmel użu mit-trasport pubbliku li se jkun aġġustat apposta u se jservi ħin itwal filwaqt li tiżdied ukoll il-frekwenza.
“Jirrispetta lil kulħadd, hawn spettaklu enormi sew fi Pjazza San Ġorġ, kif ukoll wirja enormi tal-logħob tan-nar fil-Port il-Kbir u naturalment wieħed jawgura ħafna li kollox jmur sew. Jiena konvint li min-naħa tagħna, jistgħu jserrħu rashom li se tkun esperjenza unika.”
“Dan hu l-akbar avveniment tas-sena lokalment u fil-Belt Valletta. Jaħsbu kmieni jiġifieri meta ngħid jaħsbu kmieni, kmieni wara nofsinhar għall-ħabta tat-tlieta, l-erbgħa. It-trasport pubbliku se jkun wieħed żvelt ħafna u se jkun qed jirdoppja minn ħafna postijiet f’Malta, f’lokalitajiet differenti. Naturalment ukoll se jibqa’ għaddej sa kmieni l-għada filgħodu, jiġifieri għall-ħabta tas-sagħtejn, is-sagħtejn u nofs. Hemm ukoll mezzi alternattivi ta’ trasport b’mod speċjali min-naħa ta’ Tas-Sliema għal Marsamxett li wkoll bil-ferry connections li wkoll se jkun qed jdum ħafna matul il-lejl u l-istess mill-Kottonera għall-Belt Valletta.”
Jason Micallef, Chairman, VCA
Fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena se jieħdu sehem Ira Losco, The Red Electric, Shaun Farrugia u Kevin Paul, waqt li l-qofol jintlaħaq permezz tal-artista famuża internazzjonali CASCADA.
Mat-tokki ta’ nofsilejl se jkun hemm wirja kbira tal-logħob tan-nar tal-ajru fil-Port il-Kbir, flimkien ma’ mużika minn għadd ta’ DJs biex jingħata bidu kif jixraq lill-2025.
Għal iżjed tagħrif, wieħed għandu jżur is-sit vca.gov.mt jew il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.