Id-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni jinsab għaddej bl-aħħar preparamenti tekniċi biex tibda tuża robots awtomizzati ħalli jnaddfu postijiet pubbliċi.
ONE News assista għal sessjoni ta’ preparazzjoni kmieni filgħodu fejn hemmhekk stajna naraw tekniċi u ħaddiema tad-Dipartiment tad-Tindif u l-Manutenzjoni jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ dan l-apparat ġdid u li hu ħabib tal-ambjent, hekk kif ħafna minnu jaħdem bl-elettriku biss.
Fil-fatt, primarjament assistejna għal-użu ta’ sweeper robots u scrubbing robots. Robots li jikinsu u jaħslu t-toroq rispettivament.
Tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Ramon Deguara, li spjega aħjar kif se jkunu qed jaħdmu dawn ir-robots li jinkorporaw fi ħdanhom teknoloġija ta’ intelliġenza artifiċjali.
Fost oħrajn, Deguara spjega kif dan il-makkinarju jaħdem permezz ta’ rotta li tkun ipprovduta lilu mit-tekniċi u l-ħaddiema tal-istess dipartiment, filwaqt li bis-sensors tiegħu jara li jieqaf kull darba li jsib ostaklu quddiemu u b’hekk mhuwiex ta’ periklu għall-pubbliku.
Spjega wkoll kif l-uffiċjali tad-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni jkunu jistgħu jsegwu l-ħidma ta’ dawn ir-robots b’mod dirett kemm minn ċentru tal-operat u kif ukoll anke minn pjattaformi apposta fuq mowbajls.
Dan ħalli f’każ li jkun hemm bżonn l-intervent tagħhom fuq il-post, dan ikun jista’ jsir fl-inqas ħin possibbli.
“Dan l-investiment kollu jikkumplimenta investiment ieħor f’control centre fil-binja tal-amministrazzjoni tagħna. Mill-control centre se nkunu qed insegwu dan il-makkinarju fejn il-magni minnhom infushom jibgħatulna d-dejta l-ħin kollu tal-operat li għaddejjin bih. Jiġifieri kif magna se tkun għandha xi ħsara, jew mhux daqshekk produttiva jew għandha bżonn xi intervent bin-nies tekniċi tagħna se tkun qed timmarka fil-control centre u ovvjament għandna nies apposta li jkunu standby biex isiru l-interventi meħtieġa.”
Min-naħa tagħha, Luana Borg, ħaddiema fi ħdan id-dipartiment, spjegat kif ir-robots, li jużaw l-ilma, ukoll jagħmlu dan b’mod awtomizzat u saħansitra jiffiltraw l-ilma li jużaw u jiġbruh mit-triq wara li jintuża.
“Hi l-ilma tirriċiklah terġa’ u meta tkun waslet biex terġa’ timla, terġa’ tmur lura f’postha timla, u allura tkompli fejn ħalliet.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, filwaqt li tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan l-investiment ta’ €7 miljun, irrimarka kif l-ewwel lokalitajiet fejn fihom se jibdew jintużaw dawn ir-robots se jkunu qed jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
“Fil-jiem li ġejjin dawn se nkunu qed narawhom fit-toroq tagħna f’ċerti lokalitajiet li għad irridu nħabbru li se jkunu deployed. L-użu tal-intelliġenza artifiċjali hu l-pass li jmiss biex pajjiżna nieħdu ħsiebu.”