Hekk kif qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda kien imiss lil President Amerikan Barack Obama li jindirizza l-konferenza.
Obama li riesaq lejn tmiem il-Presidenza tiegħu tkellem dwar l-inizzjattivi tiegħu fil-politika barranija.
Fost l-oħrajn semma l-iffirmar tal-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-ftehim nukleari mal-Iran u l-ġlieda kontra l-Ebola fil-Punent tal-Afrika.
B’referenza għas-Sirja, fl-aħħar messaġġ tiegħu fl-Assemblea tan-Nazzjonijiet Maqgħuda fi New York, Obama qal li l-Amerka qed tindirizza t-terrur li ħolqu l-gruppi terroristiċi fis-Sirja filwaqt li qed taħdem qatigħ favur l-għajnuna umanitarja biex tasal għand iċ-ċittadini ċivili.
Sadanittant is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda Ban Ki-Moon, li wkoll riesaq lejn it-tmiem tal-ħidma tiegħu f’din l-organizazzjoni saħaq li m’hemm l-ebda soluzzjoni militari fis-Sirja iżda kollox irid isir b’mod paċifiku.