Tħeżżiż tas-snien, għajjat u min jisħet li kien hemm f’dak il-mument.
Qalb il-ħerba li kien hemm fil-Forti Sant’Iermu, mal-għaxar Kavallieri ħarġu jissieltu kontra t-Torok, f’dik li kienet mewt ċerta hekk kif il-forti waqa’ f’idejn il-qawwa Ottomana mibgħuta mis-Sultan Suleiman il-Manjifiku biex jeqirdu l-Ordni ta’ San Ġwann li dik il-ħabta kien jaħkem il-gżejjer Maltin.
Kien propju bħal-lum, 23 ta’ Ġunju tal-1565 li t-Torok rebħu l-uniku forti fl-Assedju ta’ dak is-sajf imdemmi.
Lejliet il-festa ta’ San Ġwann il-Battista, li l-Kavallieri u l-Maltin kienu jiċelebraw b’pompa kbira, fit-tarf tal-għolja Xiberras, it-Torok u l-Ġannisseri meqjusa bħala t-tfal tas-Sultan għax kienu l-aktar leali, daħlu qishom imġienen wara xahar jissieltu biex ħadu l-kontroll, almenu ta’ Marsamxett.
Il-kuratur tal-fortifikazzjonijiet fi ħdan Heritage Malta Matthew Balzan spjega ma’ dan l-istazzjon kif ir-riċerka turi li dakinhar kien hemm min miet bħala eroj.
“Jissemmew li kien baqa’ inqas minn 10 kavallieri li kienu għadhom fil-fortizza. Dawn inġabru fil-kappella fil-kappella ż-żgħira ta’ Sant Anna, però ddeċidew li għandhom imutu mewta ta’ eroj għal Kristjaneżmu, imbagħad ħarġu jiġġieldu waħidhom kontra l-mijiet ta’ suldati Ottomani li issa kienu deħlin bla kontroll fil-fortizza.”
Balzan jgħid li f’dik l-għaxija saru l-attroċitajiet.
“Dawn is-suldati nqatlu kollha, kien hemm xi uħud, xi ftit Maltin li rnexxilhom jaħarbu bil-għawm. Però l-Kavallieri li nqabdu ġewwa maqtula u brutalment, filfatt rashom ġiet maqtugħha u ġisimhom ġie msallab fuq ċatra fil-Port il-Kbir u ġew mitluqin mal-kurrent biex il-Kavallieri jarawhom fil-Birgu. Jingħad imbagħad li La Vallette b’ritaljazzjoni ordna li kull priġunier tal-gwerra Tork tinqagħtalu rasu wkoll u dawn l-irjus sparhom minn Sant Anġlu lejn Sant’Iermu biex juri li hu ma kienx qed jibża’ mit-Torok.”
Kważi ħames sekli wara, l-istoriċi jiddibattu jekk kienx żball li t-Torok ħabtu l-ewwel għal Sant’Iermu.
“Ftit wara li beda l-Assedju ġie Dragut mal-ewwel kien ġibed l-attenzjoni illi l-ewwel kellha tinħataf l-Imdina u Għawdex. U għaliex kien żball? Kien żball għaliex il-kommunikazzjoni segħtet tibqa għaddejja. Il-Kavallieri fil-Kwartieri tagħhom fil-Birgu setgħu jibqgħu jikkomunikaw mal-Imdina u Għawdex u minn hemm anke jikkomunikaw ma’ Sqallija. Allura kellek linja ta’ kommunikazzjoni li ma ngħatet qatt matul l-Assedju.”
Il-kuratur tal-fortifikazzjonijiet qal magħna kif tul dan l-ewwel xahar tal-Assedju, it-Torok kellhom kunfidenza żejda.
“Naħseb f’għajnejn kull forza li segħtet tattakkah kienet se taħseb, irnexxielu jerbħu fi ftit jiem imma d-difiża tal-Kavallieri u l-Maltin li kienu stazzjonati hemmhekk kienet xi ħaġa li l-Ottomani ma stennewx. Dak li suppost kellu jdum ftit jiem, spiċċa dam kważi xahar u allura hemmhekk anke l-Ottomani l-iżball baqa’ aktar fit-tul għaliex tilfu ħafna nies.”
F’dan l-attakk, l-Ottomani tilfu aktar minn tmien t’elef ruħ, filwaqt li l-Kavallieri u l-Maltin tilfu madwar elf u mitejn ruħ.
L-istoriċi jgħidu li ż-żmien tal-attakk fuq Sant’Iermu sewa mitqlu deheb għall-Granmastru De Vallette biex saħħaħ id-difiża fil-Birgu u l-Isla.
Għat-Torok, il-waqgħa ta’ Sant’Iermu li wara l-Assedju reġà nbena mill-ġdid fisser rebħa sofferta u mhux kollox kien ta’ ċelebrazzjoni.
Fl-istess jum li l-bandiera Torka dehret tperper fuq posta ta’ Sant’Iermu, kien hemm min kien qed jibki l-mewt ta’ Turgut Reis, il-furban Dragut kien intlaqat ftit jiem qabel minn splinter ta’ kanun tat-Torok stess.