L-Ispanjola ta’ 37 sena li tilfet ħajjitha fit-traġedja taż-Żurrieq ta’ nhar it-Tnejn li għadda, ġiet identifikata bħala Elisaveta Avdala.
Skond dak li qalet il-kuġina tal-vittma lil siti tal-aħbarijiet barranin, Avdala kellha tirritorna lura lejn pajjiżha propju dakinhar li tilfet ħajjitha fl-inċident. Hi żiedet tgħid li x-xemx u l-baħar ta’ pajjiżna niżel għasel ma’ Elisaveta tant li ftit jiem qabel stqarret li kienet qed tikkunsidra li tirriloka n-negozju tagħha f’ Malta.
Avdala li kienet taħdem bħala għalliema u life coach f’Barċellona ġiet deskritta bħala mara mimlija enerġija li kellha għall qalbha ħafna is-safar u li dejjem kienet tfittex opportunitajiet ġodda biex titgħallem.
Il-kuġina tal-vittma stqarret li l-familjari tagħha ser jibqgħu jinsistu sal-aħħar nifs biex jiskopru x’kien il-kawża ta’ dan l-inċident u jaraw kif tista ssir ġustizzja. Hi stqarret li t-teżi ta’ kif ġara l-inċident qajjem diversi dubji fost il-familjari iżda żiedet tgħid li ser jistennew ir-riżultati sakemm l-investigaturi jistabilixxu x’kien dak li kkawża l-inċident.
Hawn tista tara lil Elisavetta Avdala tispjega dwar wieħed mill-proġetti ambizzjużi li kienet qed taħdem fuqhom ftit qabel l-inċident ta’ nhar it-Tnejn li għadda ħasdilha ħajjitha.