Fl-aħħar jum tiegħu bħala President Amerikan, Donald Trump mistenni jagħti l-maħfra lil diversi persuni. Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li fost il-mitt persuna li qed jikkunsidra jagħtihom maħfra, hemm l-eks Speaker tal-Assemblea għall-Istat ta’ New York, Sheldon Silver, u Julian Assange.
Minħabba li twaqqaf mill-midja soċjali, Trump kien kostrett imexxi l-aħħar laqgħat tiegħu fil-magħluq, u rapporti kkonfermaw li fil-fatt ma talabx li ssir il-laqgħa tradizzjonali mal-President Elett, lejliet l-inawgurazzjoni.
Fl-aħħar diskors tagħha fil-White House, martu, Melania Trump, qalet li kien l-akbar unur ta’ ħajjitha li sservi f’din il-kariga, u wissiet lill-pubbliku li l-vjolenza qatt mhi soluzzjoni.
Il-preparamenti għall-inawgurazzjoni ta’ Joe Biden, li se ssir għada, jinsabu fl-aqwa tagħhom. Hemm ukoll preżenza qawwija ta’ uffiċjali tas-sigurtà fl-inħawi ta’ Capitol Hill.