Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun jinsab imlibbes għall-festi tal-Milied, u lest biex il-Ħadd jilqa’ lill-Maltin u l-Għawdxin għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista. Fejn bit-tema NIĊĊELEBRAW IS-SUĊĊESS, kulħadd huwa mistieden biex jiċċelebra l-kisbiet li għamel, u qed jagħmel, pajjiżna.Il-maratona se tibda għall-ħabta tan-nofs siegħa u tibqa għaddejja sal-ħdax ta’ filgħaxija. Bil-qofol tagħha jintlaħaq f’intervista mal-Prim Ministru Joseph Muscat, martu Michelle u uliedu t-tewmin Etoile u Soleil.
William Lewis, is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, tkellem dwar l-aħħar tħejjijiet għal din il-maratona.
Qal “Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-preparamenti huma kollha finalizzati biex għada nilqgħu lill-eluf ta’ persuni ghall-maratona ġbir ta’ fondi niċċelebraw is-suċċess – ser inkunu qegħdin niċċelebraw ta’ dak li jkun qed iħoss il-poplu malti – tkabbir fl-ekonomija li qed jagħmel dan il-Gvern, inħeġġeġ lil dawk kollha li ser jingħaqdu magħna biex jgħinu l-partit Laburista biex inkomplu nkabbru s suċċess.”
Il-jum tal-Ħadd mistenni jkun wieħed ta’ spettaklu u divertiment immirat għall-familja kollha.
Fost l-attivitajiet organizzati hemm prestazzjonijiet ta’ kant u żfin bis-sehem ta’ diversi artisti lokali, kompetizzjoni tat-tisjir bejn il-kandidati tal-elezzjoni tal-parlament ewropew, quiz kif ukoll esports tournament.
L-għajnuna tal-pubbliku waqt din il-maratona se tgħin biex issaħħaħ l-istrutturi tal-Partit Laburista biex ikompli jwassal messaġġ b’saħħtu.
Dan anki għaliex fi ftit tax-xhur, il-Partit Laburista se jkollu żewġ appuntamenti elettorali importanti ħafna- l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, u l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.