Għalkemm il-festa tal-Milied m’hiex l-akbar festa tal-Knisja Kattolika, l-insara kolla jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù b’pompa kbira, speċjalment fil-lejl qaddis tal-Milied.
F’dawn iż-żminijiet tal-festi li jfakkarna fit-twelid ta’ Ġesù żorna waħda mill-knejjes moderni li għandna f’pajjiżna, dik iddedikata lil qaddis Malti San Ġorġ Preca, fis-Swatar.
Hemm hekk sibna lill-Kappillan Dun Robert Grech li kien qed jagħti libsa ta’ festa lill-Knisja.
Huwa spjegalna kif il-Knisja tidħol fl-ispirtu tal-Milied
Qal, “Nippreparaw il-binja biex tkun preparata għal Milied. Bdejna bil-mod il-mod fi żmien tal-Avvent, inħejju t-tiżjin differenti b’mod speċjali,l-ewwel tneżża ftit il-Knisja imbagħad bil-mod il-mod jibda jiżdied l-armar tal-Milied”
Il-Kappillan spjega kif dan iż-żmien ikun sabiħ għaliex tara lill-parruċani kollha jingħaqdu flimkien sabiex ilibsu l-Knisja bil-libsa tal-Milied.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kappillan stqarr li s-sodisfazzjon ta’ xogħlu huwa meta jara n-nies igawdu l-Knisja mżejna.
Huwa spjega ukoll li qabel il-quddies ta’ nofs illejl, se jittella’ dramm li se ikun qed ifakkar il-mitt sena anniversarju minn meta saret l-ewwel dimonstrazzjoni b’Ġesu Bambin minn San Ġorġ Preca.
Qal, “Ħa jittella’ programm fejn fih se tkun qed issir play żgħir, minn membri tal-MUSEUM fejn ifakkru dan il-mument fejn anke se jintwera feature. Ħa isir ukoll mument ta’ talb biex il-komunità mhux biss tfakkar dan il-mument imma wkoll tiċċelebrah u tgħixu.”
Qabel ma ħallejna lil Kappillan biex ilesti l-aħħar irtokki tal-Milied, Dun Robert Grech għalaq l-intervista b’appell biex dan il-Milied ma jkunx wieħed imxekkel mill-materjaliżmu.
Qal, “Il-festa tal-Milied mhijiex waħda materjali, imma fuq kollox hija festa spiritwali. Irridu nħallu lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ din il-festa, għaliex ħafna mid-drabi jiġina li nehdew mat-tiżjin u l-ikliet, u ninsew li dan kollh qed isir għaliex twieled Ġesù.”