- It-telespettaturi jistgħu jivvotaw darba minn kull linja
- Din is-sena Malta tiċċelebra t-30 parteċipazzjoni fil-Eurovision Song Contest
Wara ġimgħat ta’ ħidma, wasal il-jum uffiċjali li fih l-artisti li se jieħdu sehem fil-Malta Eurovision Song Contest se jkollhom ċans wieħed biss biex fi spettaklu imżewwaq ġmielu jirbħu l-qlub tas-segwaċi Maltin u Għawdxin biex jintgħażlu bħala l-kanzunetta rebbieħa biex tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Kyiv.
Tul dan il-jum tant mistenni l-kontestanti jistrieħu ftit hekk kif ilhom ġimgħa sħieħa għaddejjin bir-rehearsals biex jipperfezzjonaw il-prestazzjoni tagħhom.
F’intervista fuq il-programm Sibtek, il-Kap Eżekuttiv John Bundy, sostna kif bħal dejjem hu jkun eċitat għal kull kantant u kantanta u li għalkemm forsi kultant jirrabja magħhom hu jagħmel dan għall-ġid tagħhom.
Bundy sostna li l-ispettaklu tal-lejla se jkun ħarira aktar speċjali minn dak tas-snin ta’ qabel hekk kif dan se jkun qed jiċċelebra it-30 parteċipazzjoni li Malta se tkun qed tagħżel il-kanzunetta għall-Eurovision Song Contest. Qal li llejla se jkun hemm preżenti fis-sala kull kantant u kantanta li rrappreżentaw lil Malta fis-snin li għaddew u kif ukoll dawk li kienu responsabbli fit-tmexxija tal-MESC tal-passat.
John Bundy qal li kull kanzunetta li se tkun qed tipparteċipa fiha s-sabiħ tagħha u li meta aħna nitilgħu għall-Eurovision, nitilgħu biex nirbħu u jekk ma nirbħux dan ma jfissirx li l-kanzunetta tagħna ma tkunx sabiħa.
Rigward il-preżentaturi tal-lejla, Bundy qal li filwaqt li din se tkun esperjenza ġdida għall-preżentaturi tal-lejla, Charlene Mercieca u Daniel Azzopardi, ċert li se jagħmlu biċċa xogħol tajba.
It-telespettaturi tal-lejla se jingħataw iċ-ċans li jivvotaw darba minn kull linja, ġifieri dawk li se jkunu qed jagħtu l-vot tagħhom jagħmluh bi ħsieb u jivvotaw lill-aqwa kanzunetta.