Il-Ħadd huwa l-aħħar ċans biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu mill-Għassa tal-Pulizija. Il-Ħinjiet tal-ġbir tad-dokument tal-vot il-Ħadd se jkun mit-08:00 sa 12:00.
Sal-Ġimgħa filgħaxija kien għad fadal madwar 32,000 dokument tal-vot li kienu għadhom ma nġabrux mill-elettorat.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt ħeġġeġ sabiex min għadu ma ġabarx id-dokument tal-vot imur jiġbru sal-Ħadd f’nofsinhar.
Gatt tenna, “L-aħħar ċans, l-aħħar mument biex persuna tiġbor id-dokument tal-vot mill-lokalità fejn hi reġistrata. Wara din il-fażi mbagħad ikun hemm il-fażi l-oħra fejn biex tiġbor id-dokument tal-vot trid tmur fl-uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali ġewwa n-Naxxar u dawk reġistrati Għawdex ġewwa l-Uffiċċju tar-Rabat Għawdex sabiex tiġbor d-dokument tal-vot b’mod personali. Iżda napella fadlilna fadal dan in-nofs ta’ nhar biex wieħed imur jiġbor il-vot mill-lokalità fejn hu reġistrat.”
Gatt fakkar li dawk l-Għawdxin li jridu li d-dokument tal-vot tagħhom jinġieb f’Malta jew viċi versa għandhom jibgħatu email fuq maltagozo.electoral@gov.mt.
Hu qal, “Iva, dawk jistaw jimlew formula apposta qeda fuq il-website tal-Kummissjoni Elettorali fejn jagħmlu talba l-Kummissjoni Elettorali iġibilom id-dokument tal-vot Malta għal dawk reġistrati Għawdex u viċi versa dawk reġistrati Malta u jridu jiġbruh minn Għawdex. Il-Kummissjoni Elettorali tagħmel l-arranġamenti imbagħad imorru jiġbruh mill-post indikat.”
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jagħmel kuntatt mall-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.