Matul il-jum kienu għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-aħħar festa; avveniment kbir madwar il-Belt Valletta li se jagħlaq is-sena ta’ Valletta 2018 – il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Mill-ftuħ spettakolari ta’ Erba’ Pjazez, għall-Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir, l-Opra oriġinali bil-Malti Aħna Refuġjati, u mijiet ta’ attivitjiet oħra; is-sena elfejn u tmintax se tibqa’ mfakkra bħala s-sena tal-arti u l-kultura – is-sena ta’ Valletta elfejn u tmintax – il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Sena li se tagħlaq bil-kbir is-Sibt ħmistax ta’ Diċembru, b’attivitajiet mifruxa mal-Belt kapitali.
Fost l-oħrajn dan il-jum se jimmarka l-ftuħ għall-pubbliku tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA. Mużew li se jiftaħ mill-għaxra ta’ filgħodu sa tard filgħaxija.
F’dan il-mużew iltqajna maċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, li spjega li l-Belt Valletta se tkun mimlija ħajja, b’għażla ta’ arti perfomattiva; mużika minn djs, gruppi lokali u internazzjonali; żfin; letteratura, u iżjed.
Biex il-qofol jintlaħaq fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, hekk kif fi Pjazza San Ġorġ se jibda kunċert kbir minn diversi gruppi lokali u internazzjonali – fosthom Tribali u l-Orkestra Brass House Unit flimkien ma’ Ozzy Lino.
Micallef qal li “Naturalment ħafna sorpriżi, ħafna wkoll filmati ta’ dak li akkwistajna tul din is-sena kulturali fl-2018, u dan kollu se jwassalna sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu flimkien ma’ poplu sħiħ fi pjazza San Ġorġ biex insellmu lil din l-ikbar sena kulturali li qatt kellu pajjiżna.”
U hekk kif it-tmiem ta’ Valletta elfejn u tmintax wasal fil-qrib, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni nnota r-reazzjoni tan-nies għall-programm mimli daqs bajda tal-fondazzjoni. Programm li kellu ’l fuq minn erba’ mitt attività.
Micallef qal li “żidna bl-eluf l-udjenzi. Żidna bil-mijiet il-parteċipazzjoni tan-nies f’komunitajiet differenti mhux biss fil-Belt Valletta imma madwar Malta u anke Għawdex. U dan wieħed mill-iktar sodisfazzjonijiet tiegħi personali u tal-Fondazzjoni.”
Biex b’hekk, filwaqt li l-ħarsa diġà qiegħda ’l quddiem lejn l-Aġenzija Kulturali li twieldet bħala parti mil-legat ta’ Valletta elfejn u tmintax, din is-sena mimlija arti u kultura is-Sibt tingħalaq b’attività oħra denja tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.