Għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fit-Triq tal-Għadira, b’investiment ta’ tmien miljun ewro, proġett li jinvolvi l-bini mill-ġdid tat-triq u riġenerazzjoni tax-xatt tul il-bajja.
Dan intqal waqt żjara li għamlu fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-ħidma, li kienet mifruxa fuq tul ta’ tliet kilometri fuq il-karreġġjati minn u lejn iċ-Ċirkewwa, bdiet minn ħdejn ir-roundabout tal-Armier sar-roundabout tal-parti t’isfel tal-bajja tal-Għadira.
Ix-xogħlijiet inkludew it-tqegħid ta’ servizzi tal-ilma, cables tal-Enemalta, u l-bini mill-ġdid tat-triq.
Waqt dawn ix-xogħlijiet, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmet fuq il-bini mill-ġdid tax-xatt, mir-roundabout fejn tibda l-bajja tal-Għadira sal-parkeġġ tal-Armier.
Il-proġett inkluda l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-triq bl-introduzzjoni ta’ parkeġġi fuq in-naħa tal-bajja fejn ikun hemm ħafna attività, b’hekk jonqos l-ammont ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu l-karreġġjati bil-mixi.
Ix-xogħlijiet raw ukoll tisħiħ tal-infrastruttura pedonali tul il-proġett kollu, iżjed sigurtà għal din iż-żona ffrekwentata ħafna minn mijiet t’eluf ta’ persuni kull sena.