Ġew imħabbra l-aħħar dettalji għal min se jkunu l-artisti li se jagħtu spettaklu qabel u wara l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta.
Se jieħdu sehem Ozzy Lino, Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers bil-parteċipazzjoni ta’ Marit Kesa. Għal ewwel darba, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena se jkunu qed jaraw il-miġja tal-finalisti tal-X factor ta’ sentejn ilu Reggie u Bollie, mad-DJ Mykill u t-Trumplet li se jagħlqu l-lejla.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar dan tkellem iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef fejn spjega kif din is-serata partikolarment fl-aħħar għoxrin minuta se jkun hemm proġezzjonijiet fuq il-ħajt tal-palazz bi preparazzjoni għall-Presidenza li Malta se tkun qed tieħu f’idejha ftit tal-minuti wara.
Huwa spjega kif se jkun hemm trasport minn kull lokalità għal Belt Valletta u lura sas-sagħtejn ta’ filgħodu. Apparti minn hekk, it-traġitt mill-Belt sal-Kottonera u tas-Sliema se jibqa’ jaħdem sa l-erbgħa ta’ filgħodu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq kif l-2016 kienet sena kbira għall-kultura, settur b’potenzjal li qed joħloq għadd ta’ postijiet tax-xogħol.