Il-Kap tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, saħaq li d-diskors li hija mistennija tagħmel it-Tlieta li ġej il-mexxejja tal-Myannmar Aung San Suu Kyi huwa “l-aħħar ċans” biex jitwaqqfu l-aggressjonijiet militari fuq l-komunita’ tar-Rohingya.
Guterres sostna li bħala l-mexxejja attwali tal-pajjiż San Suu Kyi għandha r-responsabilita’ li titfa’ pressjoni fuq l-armata sabiex tieqaf twettaq l-attroċitajiet li qegħdin iseħħu kontra l-minorita’ Musulmana fil-pajjiż.
“Jekk hi ma treġġax is-sitwazzjoni lura għall-istabbilita’ issa, allura naħseb li t-traġedja tkun assolutament orribli”, kompla Guterres.
Sang Suu Kyi se tkun qed tindirizza l-poplu tal-Myanmar fi trażmissjoni mxandra fuq it-televiżoni tal-pajjiż wara silenzju kważi assolut mill-25 ta’ Awwissu l’ hawn. Dan wara li m’aċċettatx stedina sabiex tattendi sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li se tkun qed tittella’ l-Erbgħa li ġej.
Sadanittant mat-390 000 ruħ diġa’ kellhom jevakwaw djarhom u jsibu refuġju fil-kampijiet ghal-refuġjati ġewwa l-Bangladesh.