Jonqos biss jumejn biex persuni li bl-istatut tal-Partit Laburista għandhom dritt jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom jagħmlu dan.
Dan għandu jsir sa nhar it-Tlieta miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u min ma jagħmilx dan sa nhar it-Tlieta jkun qed jitlef iċ-ċans tiegħu li jivvota f’din l-elezzjoni li se ssir fil-11 ta’ Jannar.
Sal-lum hemm iktar minn 15,000 persuna li għandhom id-dritt għall-vot fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista. Iżda, għad hemm persuni oħra li jistgħu jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom. Dan għax kienu membri fl-2015 jew qabel u għandhom sentejn ta’ ħlas nieqsa millaħħar ħames snin.
Skont l-istatut tal-Partit Laburista huma jkunu jistgħu jħallsu dawn is-sentejn u jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Joe Falzon, fakkar kif dawk li għandhom id-dritt jirregolaw ruħhom kienu mgħarrfa permezz ta’ korrispondenza. Iżda dik mhijiex biżżejjed biex jivvutaw.
“Jekk wieħed irċieva l-ittra li jista’ jħallas sa sentejn b’lura, dak il-ħlas irid isir bilfors sa nhar it-Tlieta li ġej billi wieħed imur personalment fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Jekk ma jsirx sa dakinhar l-isem ta’ dik il-persuna ma jidhirx fil-lista ta’ persuni li se jivvutaw, u hekk ikun intilef id-dritt għall-vot. Jekk hemm min ma rċeviex din in-notifika biex iħallas dawn is-sentejn imma jaħseb li għandu dritt jista’ wkoll jiċċekkja billi jċempel il-call centre li nħoloq apposta u li f’dawn l-aħħar ġimgħat wieġeb eluf ta’ telefonati.” spjega ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali l-Avukat Hili.
Intant ONE News tkellem ukoll mal-membru fil-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista, Joe Falzon.
Is-Sur Falzon, saħaq,“Nenfasizza illi d-dokument li bgħatna, l-avviż lill-votant li bgħatna huwa importanti ħafna, għaliex mingħajr dak jew inkella l-id card, il-passaport jew il-liċenzja, dawk it-tnejn flimkien trid tużhom biex inti tkun tista’ tivvota. Mingħajr wieħed minn dawk, int ma tistax tivvota.
Intant, tinsab miftuħa wkoll ir-reġistrazzjoni għal dawk li għal xi raġuni jew oħra mhumiex se jkunu disponibbli fil-jum proprju tal-votazzjoni.
“Dawk li mhumiex se jkunu Malta fil-11 ta’ Jannar jew għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jivvutaw dakinhar għandhom iċ-ċans jivvutaw fit-8 ta’ Jannar. Il-votazzjoni se ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun u f’Ta’ Sannat, Għawdex. Iżda, biex wieħed ikun eleġibbli jrid jirreġistra sa nhar it-3 ta’ Jannar f’nofsinhar skont l-avviżi li qed jidhru fuq il-midja tal-Partit Laburista.” kompla jispjega Joe Falzon. Fil-fatt fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista kontinwament qed ikun ippubblikat l-aħħar tagħrif li qed jixxandar ukoll fuq it-televixin u fuq ir-radju tal-Partit Laburista
Għal kwalukwe tagħrif tistgħu ċċemplu ċ-Ċentru Nazzjonali Labursita fuq in-numru 2090 1771.