Illum jgħalqu n-nominazzjonijiet tat-tieni edizzjoni tal-Malta Animal Honours Awards fejn wieħed jista’ jinnomina persuna li jaħseb li ħaqqha tiġi rikonoxxuta għall-ħidma tagħha fil-qasam tal-annimali jew anke annimal li forsi wieħed jaħseb li ħaqqu jiġi rikonoxxut.
Il-Malta Animal Honours Awards huma organizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fejn huwa lejl li fih mhux biss jiġu ċċelebrati l-kreaturi ħbieb tagħna iżda anke biex jiġu rikonoxxuti l-persuni involuti fl-istess qasam b’rabta mal-ħarsien tal-annimali.
Il-pubbliku huwa mistieden jibgħat l-istejjer tiegħu jispjega għaliex l-annimali u l-persuni li qed jiġu nnominati għandhom jirbħu l-kategorija li huma nominati għaliha.
In-nomini ser jintlaqgħu sal-lum fejn wara se jiġu riveduti n-nomini u l-aħjar tliet kandidati nominati minn kull kategorija jintgħażlu.
Dawn imbagħad jerġgħu jitħabbru għall-vot tal-pubbliku u dawk l-aktar nominati jkunu rebbieħa tal-kategorija rispettiva tagħhom.
Annimali magħżula flimkien mal-carers umani tagħhom, kif ukoll il-persuni nominati għall-kategoriji umani se jkunu mistiedna jattendu ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni nhar it-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2022, propju fil-Jum Dinji tal-Annimali.
Idħol fis-sit www.agrikoltura.gov.mt/en/honorsawards/ biex tara kif titfa’ n-nomina tiegħek.