Għada jagħlqu l-applikazzjonijiet biex dawk l-istudenti sekondarji li m’għaddewx mill-eżamijiet tas-SEC jattendu għall-klassijiet ta’ revizjoni mingħajr ħlas fis-sajf bħala parti mill-Garanzija taż-Żgħazagħ.
Dawn il-klassijiet offruti b’xejn mill-Gvern ser iservu ta’ għajnuna għaż-żgħazagħ kollha li minkejja l-isforzi tagħhom xorta waħda ma jkunux ġabu l-marki meħtieġa. Dawn il-klassijiet mogħtija fis-suġġetti tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, il-Fiżika u l-Bijoloġija jingħataw lil dawk l-istudenti li minn tal-inqas ikunu ġabu 6 jew 7 fit-tali suġġetti.
Forsi dak li jkun ma jkunx għadu sema’ b’dawn il-klassijiet iżda li hu żgur hu li tkun ħasra li jekk iż-żgħażagħ ma jagħmlux użu mit-tagħlim professjonali mogħti minn għalliema mħarrġa u kwalifikati fit-tali suġġett. L-applikazzjonijiet jagħlqu għada l-Erbgħa 18 ta’ Lulju u bħal kull servizz jew applikazzjoni oħra hija aċċessibbli mis-sit ewlieni tas-servizzi governattivi servizz.gov.mt. Hawnhekk tingħata ħarsa ġenerali lejn dan il-programm, l-ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa li tingħata bħala tagħlim, min huwa eliġibbli u kif wieħed jista’ japplika.
Student jista’ anke jżur wieħed miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov u hemmhekk jingħata għajnuna immedjata minn nies imħarrġa apposta li jgħinuk timla’ l-applikazzjoni. Il-Freephone 153 wkoll joffri assistenza lil min ikollu bżonnha. L-istess joffru wkoll il-mobile apps li jitrattaw il-qasam tal-edukazzjoni fl-app maltapps.
B’hekk l-istudenti għandhom għażla wiesgħa minn fejn jistgħu jaċċessaw is-servizzi governattivi, b’servizz.gov fuq quddiem nett biex jiffaċilita l-aċċess u l-għoti tas-servizz.