Fadal l-aħħar ċans biex kull min hu interessat li jattendi għall-kunċert mill-isbaħ ‘A Night at the Palace’ fil-ġonna tal-Girgenti.
Tkellimna ma’ Aaron Zahra, Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, fejn qal kif wieħed għandu ċans jdħol fil-ġonna tal-Girgenti u jgawdi minn lejla unika.
Spjega kif wieħed għandu ċans sa għada biex jiġbor il-biletti tiegħu għal din il-lejla b’xejn.
Qal, “Din id-darba l-istedina hija għal kulħadd. Kulħadd jista’ jiġi u jgawdi dan il-kunċert madanakollu wieħed irid jiġbor biljett biex proprju jattendi għalih. Se nkunu qed niftħu l-bibien tal-Berġa ta’ Kastilja biex bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar wieħed ikollu ċ-ċans li jiġi u jiġbor il-biljett.”
Hu qal kif dan il-kunċert huwa mmirat għall-familja kollha filwaqt li hu għal kawża nobbli bid-donazzjonijiet se jkunu qed imorru kollha għall-annimali fil-bżonn.
Qal, “Il-kunċert għall-familja kollha bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta. Tkun okkażjoni sabiħa fejn minkejja li wieħed jiġi hawn mingħajr ħlas tkun okkażjoni sabiħa li wieħed jagħti d-donazzjoni tiegħu għal dawk is-santwarji u biex ngħinu lil dawk il-voluntiera li jaħdmu għall-istess għan. ”