Tmiem il-ġimgħa li ġej huwa l-aħħar ċans biex iżżur Constellation Malta, l-esibizzjoni tal-għeluq ta’ Valletta 2018 li tinsab mifruxa fuq diversi siti madwar il-Gżejjer Maltin. Din l-esibizzjoni tagħlaq il-bibien nhar il-Ħadd 9 ta’ Diċembru.
B’biljett speċjali ta’ €20 tista’ żżur seba’ siti ta’ wirt storiku madwar Malta u Għawdex li huma parti minn Constellation Malta! Dawn jinkludu l-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, iċ-ċentru tal-viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija u l-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra, Għawdex.
Il-Knisja ta’ Santa Maria Maddalena fil-Belt Valletta, il-kannierja tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun u Triq l-Arkati fl-Isla huma wkoll parti mill-esibizzjoni, u wieħed jista’ jżurhom bla ħlas.Kif jissuġġerixxi l-isem, Constellation Malta hi esibizzjoni fil-forma ta’ kostellazzjoni madwar il-Gżejjer Maltin, u se twassal pittura, skultura, rakkmu, fotografija, installazzjonijiet tal-vidjo, dawl u akustika, rappreżentazzjonijiet u interventi speċifiċi għal kull sit f’diversi postijiet storiċi prominenti, spazji komunitarji u spazji pubbliċi madwar il-Gżejjer Maltin.
Constellation Malta hi kkurata minn Rosa Martinez — li kienet ukoll l-ewwel direttriċi femminili tal-Biennale prestiġġjuż ta’ Venezja — u hi wkoll waħda mill-akbar esibizzjonijiet fil-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, bix-xogħol ta’ 11-il artist lokali u internazzjonali.
Fost l-artisti hemm ismijiet kbar fil-qasam tal-arti kontemporanja, fosthom Marina Abramović, Chiharu Shiota, Forensic Oceanography and Architecture, Kyung-Jin Cho, Austin Camilleri, Yoshitomo Nara, Saskia Calderón, Eulalia Valldosera u Tania Berta Judith. Il-wirja tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Malta Fancy Poultry and Pigeon Club kif ukoll ġabra ta’ ritratti anonimi bl-isem ta’ ‘Readymades in Malta’.
Biljett ta’ € 20 jissarraf fi dħul ta’ darba f’kull wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni, u jista’ jintuża matul il-perjodu kollu tal-wirja, bejn it-13 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Diċembru 2018. Ix-xogħlijiet artistiċi kollha esibiti f’postijiet komunitarji u spazji pubbliċi huma aċċessibbli mingħajr ħlas. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.heritagemalta.org jew mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni.
Il-katalgu online ta’ Constellation Malta jinsab fuq: https://universes.art/en/specials/constellation-malta/.
Għall-ħinijiet tal-ftuħ tas-siti ta’ Heritage Malta żur www.heritagemalta.org.