Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jixtieq jinforma lill-pubbliku li l-karti tal-flus tal-Lira Maltija tal-Ħames Serje, li ma baqgħux jiġu wżati wara li Malta adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008, mhux se jkunu jistgħu jiġu msarrfa aktar f’Ewro wara l-ħin tan-12:30 tal-31 ta’ Jannar 2018.
Wara din id-data dawn ma jkunux għadhom jiswew.
Il-karti tal-Ħames Serje jiġu f’erba’ denominazzjonijiet: Lm2, Lm5, Lm10 u Lm20.
L-erba’ noti huma kkuluriti aħmar (Lm2), blu (Lm5), aħdar (Lm10) u kannella (Lm20).
Dawn il-karti tal-flus inħarġu fiċ-ċirkolazzjoni fit-18 ta ‘ Settembru 1989.
Membri tal-pubbliku li jixtiequ jiskambjaw il-karti tal-flus tal-Lira Maltija tal-Ħames Serje għandhom imorru l-Bank Ċentrali ta’ Malta, f’Binja Ġlormu Cassar, St.James Counterguard, il-Belt Valletta (b’aċċess mill-Valletta Bus Terminus jew minn Girolamo Cassar Avenue) mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9:30 u n-12: 30, esklużi l-jiem ta’ btajjel pubbliċi.
Għandha tiġi ppreżentata Karta tal-Identità sabiex jiġu skambjati l-karti tal-flus.
Persuni li se jiskambjaw karti tal-flus tal-Lira Maltija b’total li jaqbeż Lm200 għandhom jippreżentaw in-numru IBAN tagħhom (miksub mill-bank tagħhom). F’dawn il-każijiet il-ħlas isir direttament fil-kont bankarju tagħhom.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jixtieq jinforma lill-pubbliku li fil-jiem li ġejjin se jitqassam fid-djar kollha ktejjeb informattiv dwar ir-rekwiżiti għall-iskambju tal-Liri Maltin.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku huwa mitlub jikkuntattja lill-Bank permezz ta’ email jew billi jċempel (+356) 2550 3520/1 mit-8:00 sal-16:00.