L-elfejn u wieħed u għoxrin kienet sena oħra ta’ pandemija madwar id-dinja kollha, imma kkaratterizzata wkoll minn diversi aħbarijiet oħra li ġibdu għajnejn id-dinja.
Fejn tidħol il-pandemija, l-elfejn u wieħed u għoxrin kienet sena fejn komplew u intensifikaw il-programmi ta’ tilqim, fejn raw suċċess partikolarment fil-kontinent Ewropew, imma esponew ukoll l-isfidi ta’ pajjiżi foqra.
Kawża ta’ dan tfaċċa l-varjant il-ġdid Omicron, li mill-Afrika t’Isfel nxtered f’kull pajjiż u saħansitra qed jiġi trażmess aktar malajr minn dak ta’ qablu, il-varjant Delta.
Iżda lil hinn mill-pandemija, din is-sena ddominaw kriżijiet umanitarji oħra madwar id-dinja, bħal dik fl-Afganistan.
Il-ħakma tal-kapitali Kabul fil-ħmistax ta’ Awwissu kienet il-qofol ta’ taqtiegħa militari li bdiet xahar qabel. Sigħat qabel ma Kabul inħakmet mit-Talibani, il-President Ashraf Ghani ħarab mill-pajjiż.
Din l-azzjoni tat-Taliban waslet wara li l-President Amerikan Joe Biden kien ħa deċiżjoni biex il-qawwiet Amerikani jitilqu mill-Afganistan.
Kriżi oħra fl-istess perjodu kien il-ġlied aħrax bejn il-Palestina u l-Iżrael. Kollox beda minn protesta Palestinjana fil-Lvant ta’ Ġerusalemm dwar deċiżjoniji mill-Qorti Suprema Iżraeljana fuq l-iżgumbrament ta’ sitt familji Palestinjani f’Sheikh Jarrah.
Minn hemm il-ġlied tant kiber li bdew l-attakki mill-ajru fl-Istrippa ta’ Gaża mill-Iżrael.
B’kollox huwa stmat li mietu mitejn u sitta u ħamsin Palestinjan, b’sitta u sittin minnhom kienu tfal. Tlettax-il ċittadin Iżraeljan tilfu ħajjithom f’dan l-istess ġlied.
L-elfejn u wieħed u għoxrin kienet ukoll sena li rat lill-Istati Uniti jkollha President ġdid. Joe Biden rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali kontra Donald Trump u ħa l-ġurament.
Din iċ-ċerimonja temmet żmien ikrah fil-politika Amerikana li rat anki protesta kbira f’Capitol Hill mill-attivisti ta’ Donald Trump li ħalliet mal-erba’ persuni mejta.
Din is-sena rat ukoll it-tmiem ta’ Angela Merkel bħala Kanċillier tal-Ġermanja u flokha laħaq Olaf Scholz.
Merkel kienet ilha sittax-il sena fit-tmun tal-Ġermanja.
L-Italja u l-Libja wkoll raw tmexxija ġdida.
Mario Draghi nħatar Prim Ministru tal-Italja filwaqt li fil-Libja, Abdul Hamid Dbeibah nħatar Prim Ministru temporanju biex imexxi Gvern t’għaqda nazzjonali.
Din is-sena ddominaw ukoll diversi avvenimenti li ġibdu għajnejn id-dinja, fosthom fi Glasgow fejn ittella’ s-summit fuq l-ambjent u l-Klima magħruf bħala l-COP26.
F’dan is-summit, il-mexxejja dinija laħqu ftehim li qed jitqies bħala l-aktar wieħed sinifikanti dwar it-tibdil fil-klima.
Fih hemm pjanijiet ċari li jimmiraw li jnaqqsu l-faħam bħala sors ta’ enerġija.
Mix-xena sportiva kien hemm ukoll il-Kampjonat Ewropew, li sar f’diversi pajjiżi minħabba l-pandemija.
Dan il-kampjonat intrebaħ mit-Taljani wara finali li spiċċat bl-għoti tal-penalties kontra tim Ingliż frisk u żagħżugħ.