Fil-Qorti rriżulta li s-sikkina li ntużat fl-agressjoni fuq Yana Mintoff Bland qiegħda għand l-investigaturi. Is-sikkina, l-arma wżata f’dan id-delitt li seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar inġabret waqt l-istħarriġ, kuntrarju għal dak irrapportat fit-Times of Malta fl-aħħar jiem.
Intant, irriżulta li meta kien hemm l-argument bejn Yana Mintoff Bland u s-sieħeb tagħa Ghoerghe Popa, dan tal-aħħar ta daqqiet ta’ sikkina lilu nnifsu.
Wara jiem jgħid li ma jifakar xejn fl-isptar Popa ammetta dan mal-investigaturi. Magħhom ammetta wkoll li dakinhar tal-argument issuspetta li Mintoff Bland seta’ kellha persuna oħra moħbija fuq. Ingħad ukoll li xi jiem qabel l-argument l-akkużat kien qal li ried iwettaq suwiċidju u hedded li jaqbeż minn fuq crane ta’ Palumbo, fit-tarzna.
Xehdet ukoll Yana Mintoff li qalet kif ilha taf lil Popa għal l-aħħar sentejn wara li ltaqgħet miegħu fil-lezzjonijiet taż-żfin. Tenniet li kellhom relazzjoni normali sakemm sitt xhur ilu ġie lura mir-Rumanija fejn beda jkun suspettuż. Beda jaġixxi “ta’ spija” qalet Mintoff Bland. Eventwalment beda jheddida u hawn qaltlu li kien aħjar iwaqqfu r-relazzjoni. Saħansitra krietlu appartament f’Marsascala biex ikun jista’ joħroġ mid-dar. Eventwalment mar lura d-dar iżda kien reġa’ heddida meta qaltlu ma jerġax imur lura d-dar. Għal darb’oħra hedded li jneħħi ħajtu b’idejh.
Spjegat li pprovat tirraġuna miegħu, iżda hu rrifjuta sessjonijiet ta’ counselling. Sakemm wasal il-jum tal-inċident. “Iffaċjajt il-mewt,” qalet dwar dakinhar meta kien binha li salva mill-attakki tar-Rumen li qed jinżamm arrestat.