“Noħlom li nkunu ħaġa waħda biex nibżgħu għal dak kollu li għandna fil-Belt u ngawduh flimkien.” Dan kien il-messaġġ ta’ Ray Azzopardi, Kunsillier tal-Belt Valletta, fejn semma kif ilbieraħ grupp ta’ żgħażagħ minn parroċċi differenti ngħaqdu flimkien mal-komunità ta’ volontiera Dumnikani sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jgħattu u jżarmaw l-istatwi li kien hemm fit-toroq Beltin għall-festa ta’ San Duminku.
Minkejja r-rivalità bejn il-parroċċa ta’ Santu Wistin, tal-Madonna tal-Karmnu u tad-Dumnikani fil-Belt Valletta, dawn iż-żgħażagħ Agostinjani u Karmelitani għażlu li jiġbdu ħabel wieħed u minflok ħallew il-pika ta’ bejniethom tħassar festa minnhom, ingħaqdu tim wieħed sabiex ma ssir ebda ħsara kawża tal-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin.