L-uffiċċju meteoroġiku qed ibassar li l-maltemp se jkun qed jippersisti sa nhar il-Ġimgħa li ġej, bl-agħar tiegħu jolqot il-gżejjer Maltin matul il-jum tal-Ħamis.
Qal dan uffiċjal mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ma’ ONE News waqt żjara li għamilna fl-istess uffiċċju l-Erbgħa wara nofsinhar sabiex nixtarru aktar rapporti ta’ maltemp qawwi fil-jiem li ġejjin.
Madankollu għalissa m’hemmx ħtieġa ta’ twissijiet ħomor.
Patrick Zahra spjegalna s-sitwazzjoni tat-temp bħalissa fuq il-Mediterran. Fil-fatt tenna kif bħalissa hawn sitwazzjoni ta’ ċirkolazzjoni ta’ arja ta’ pressjoni baxxa.
Qal, “Naħseb li l-agħar tagħha se jkun pjuttost iktar għada għaliex din iċ-ċirkolazzjoni tal-arja baxxa se titla’ iktar fuqna u dik se ġġibilna aktar Maltemp, ir-riħ suppost se jitqawwa iktar mill-Grigal, imbagħad il-Grigal normalment iġib dawk il-Maltempati iktar mis-soltu.”
Huwa spjega wkoll kif ix-xahar ta’ Ottubru ra ammont kbir ta’ xita ħafna iktar mill-medja li konna mdorrijin biha għal dawn l-aħħar snin.
Spjega, “Fejn aħna dan iż-żmien tax-xahar ta’ Ottubru nistennew li jkollna qisu medja ta’ 75 millimetru sa issa sal-llum diġà għandna 183 millimetru jiġifieri diġà qbiżna l-medja sew.”
Qabel tkellem ma’ Zahra, żorna l-inħawi ta’ tas-Sliema u San Ġiljan fejn hemm rajna baħar jibla’ l-art u stajna ninnutaw in-nies joqogħdu ’l bogħod mill-baħar.
Intant id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili saħaq li jinsab għal-lest minħabba rapporti ta’ maltempata qawwija li tista’ taħkem lill-gżejjer Maltin fis-sigħat li ġejjin.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, is-CPD appella biex fejn hu possibbli n-nies jevitaw li jsuqu fil-maltemp u jevitaw toroq fejn jinġabar l-ilma, bħal fil-widien.
Ma’ ONE News, Peter Paul Coleiro mis-CPD assigura li għal jiem li ġejjin, id-Dipartiment għandu l-għodod biex jaħdem.
Qal, “L-ekkwipaġġjament huwa kbir ħafna. Nibdew mill-magni l-kbar biex nistgħu nneħħu l-affarijiet mit-triq. Għandna cranes, gaffef u affarijiet oħra. Umbagħad qed nitkellmu wkoll fuq pompi biex nużawhom biex ineħħu l-ilma. Is-sizes tal-pompi jiddipendu jekk hux ħa taħdem ġo dar jew fit-triq u kwalunkwe ħaġa li ġġib magħha l-maltempati għax jista’ jagħti l-każ li jinqelbu ċnut, li jkollok persuni li jintilfu, jiġifieri li nkunu lesti għal kollox bħalma dejjem huwa preparat id-Dipartiment.”