35 jum qabel l-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti, il-President Amerikan Donald Trump u dak li qed jaspira li jeħodlu postu, Joe Biden, kellhom wieħed mill-aktar dibattiti jaħarqu fl-aħħar snin fit-tiġrija għall-White House.
Fost għajjat, rabja u botti lejn xulxin, iż-żewġ kontestanti għat-tmexxija tal-Istati Uniti, argumentaw fuq il-pandemija u l-ekonomija f’dibattitu ta’ 90 minuta.
Fost tgħajjir kontinwu, Biden sejjaħ lill-President “buffu” u qallu biex “jagħlaq ħalqu”. Trump waqa’ personali u semma l-użu tad-droga ta’ iben ir-rivali tiegħu.
Biden qal lil Trump li huwa l-agħar President li l-Amerka qatt kellha.
Id-dibattitu ddiskuta sitt suġġetti ewlenin, fosthom ir-rekords tal-kandidati, il-Qorti Suprema, il-pandemija u l-ekonomija.