Ħames zgħażagħ li ġew akkużati li aggredew lil Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ sbatax-il sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri, ingħataw il-ħelsien mill-arrest waqt seduta li kienet ikkaraterizzata minn kommossjoni kbira f’awla numru sitta l-Ħadd waranofsinhar.
Il-ħames żgħażagħ Marlon Baldacchino ta’ tmintax-il sena, Emerson Bugeja ta’ dsatax, Kyle Ellul t’għoxrin sena, Tyson Bugeja ta’ ħamsa u għoxrin u tifel ta’ ħmistax-il sena li ma jistax jissemma b’ismu fuq ordni tal-qorti għax għadu minuri, tressqu l-qorti quddiem il-maġistrat tal-għassa Gabriella Vella.
Bid-dmugħ f’għajnejhom u qrabathom imdawrin magħhom jibku fl-awla, għall-ewwel wieġbu ħatja tal-akkuzi miġjuba kontrihom madanakollu din l-ammissjoni ġiet irtirata aktar tard matul il-proċeduri.
Is-seduta waqfet ħesrem wara li nqalgħet kommossjoni kbira meta wieħed mill-akkuzati ħassu ħazin u waqa’ mal-art.
Huwa deher jintilef minn sensih meta ntebaħ li seta’ jintbagħat il-ħabs u nħareġ ’il barra mill-awla mill-erba’ akkuzati l-oħra wara – li lkoll diġà xellfu difrejgħhom mal-ġustizzja. Huma poġġewh fil-kurutur tal-qorti fejn dehru jqabbdu s-sigaretti u jpejpu ma’ qrabathom.Il-qraba taz-zagħazugħ dehru emozzjonati ħafna waqt li l-pulizija u uffiċjali oħra tal-qorti għamlu dak kollu li setgħu biex jagħtuh l-ewwel għajnuna.
Saħansitra ssejħet ambulanza biex tieħdu l-Isptar, iżda hekk kif waslet quddiem il-Qorti, deher jiġi f’tiegħu, ċaħad l-għajnuna medika, u flimkien ma’ sħabu reġgħu daħlu fl-awla.
Hawnhekk l-Avukat Franco Debono qal lill-Qorti li waqt li Liam Debono ried li jkomplu l-proċeduri kontra l-akkuzati, huwa wera x-xewqa li jaħfrilhom għall-aggressjoni li ġarrab il-Gimgha u li din il-maħfra għandha tiġi riflessa fis-sentenza.
L-Avukat Debono qal li Liam Debono ried li l-akkuzati ma jkellmuhx darb’oħra.
L-avukat Marita Pace Dimech – li qed tidher għall-ħames akkuzati, informat lill-qorti li l-akkuzati xtaqu jirtiraw l-ammissjoni li għamlu qabel mas-seduta ġiet sospiza.
Fid-decizjoni tagħha, il-qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni u ordnat lill-akkuzati biex ma jersqux lejn Debono.
Il-qorti ordnatilhom jibqgħu f’Malta u ma jersqux lejn ix-xhieda tal-proskeuzzjoni.
Huma ġew ordnati wkoll jiffirmaw l-għassa tal-pulizija kuljum u ma joħorgux mid-dar bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u l-ħamsa ta’ filgħodu.
Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depozitu ta’ mitt ewro u garanzija personali ta’ elfejn ewro.
Il-qorti wissiethom li jekk jersqu lejn Debono, jistgħu jeħlu multa ta’ sebat elef ewro u / jew piena ta’ aktar minn sentejn habs.
Fil-bidu tas-seduta l-Pulizija qalet li l-akkuzati marru kollha flimkien għall-interrogazzjoni wara li ġew ikkuntattjati wieħed wieħed dwar l-allegat każ ta’ aggressjoni li seħħ ftit wara li Debono ħareġ mill-post tax-xogħol tiegħu f’Ħal Luqa.