108 persuni ġralhom xi ħaġa meta kienu imsifrien barra minn Malta bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena.
Persuni li għamlu kuntatt mal-konsulat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sabiex jingħataw l-għajnuna.
Bl-aktar raġunijiet ewlenin ikunu jew għax tilfu l-passaport jew xi dokumenti oħra, jew għax ġew arrestati jew inkella għax kellhom bzonn kura mill-isptar.Id-Direttur għas-servizzi konsulari John Buttigieg qal li l-konsulat qiegħed jara zieda ta’ persuni li waqt li jkunu imsiefra jitolbu l-għajnuna, hekk kif is-sena li għaddiet kienu daħħlu 86 talba fi ħdan il-konsulat.
Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-affarijiet barranin f’April li għadda Nieda app li ssemmiet “Malta Travel Point”.
App li toffri informazzjoni lil dawk il-Maltin li jivvjaġġaw dwar il-pajjiz li jsiefru fih. Din l-app saħansitra tidentifika postijiet fejn ikun hemm sptar u għassa tal-pulizija f’każ li ċ-ċittadin Malti jkollu bżonn xi għajnuna.
Madankollu, minn April sa Settembru kienu biss 2,000 persuna li għamlu użu mill-app Malta Travel Point.
Iżda konxji li ħafna aktar Maltin isiefru, il-Ministeru għall-Affarijiet barranin organizza laqgħa għall-aġenziji tal-ivvjaġġar biex iħeġġu aktar Maltin jużaw din l-app.
Id-Direttur għas-servizzi konsulari qal li l quddiem din l-app se tiżviluppa b’tali mod li l-konsulat ikun jaf il-persuni li huma msiefra għax jirreġistraw f’din l-app. Bid-dettalji tal-persuna jitħassru malli l-persuna tiġi lura malta.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela tkellem dwar l-importanza li aktar persuni jagħmlu użu minn din l-app, anki fid-dawl li aktar Maltin qegħdin isiefru f’pajjiżi eżotiċi.Il-Ministru Abela qal li dawk li jsiefru jrid ikollhom serħan il-moħħ u ma jiġrilhom xejn sabiex ikollhom l-aqwa btala.