Fil-MICAS, l-ewwel mużew għall-arti kontemporanja, l-Aġenzija Żgħażagħ iċċelebrat 15-il sena ta’ programmi kreattivi, li sawru ġenerazzjoni ġdida ta’ artisti, mużiċisti, kittieba, film-makers u attivisti.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, qal li, permezz tal-investiment fil-kreattività, mhux biss qed tissaħħaħ il-kultura, iżda qed tinbena Malta li kapaċi toħlom, toħloq u tikkompeti fuq livell globali.
Saħaq li hu mportanti li l-ħidma tibqa’ għaddejja biex il-programmi kreattivi tal-Aġenzija Żgħażagħ ikunu aktar aċċessibbli u inklussivi għal kull min jixtieq jifforma parti minn dan il-vjaġġ artistiku.
“F’dawn l-aħħar 15-il sena, l-Aġenzija Żgħażagħ għamlet ħafna ġid fejn jidħol il-qasam tal-arti u l-kultura, permezz ta’ diversi programmi fil-qasam mużikali, artistiku, kulturali kif ukoll anke film-making. Aħna qed inħarsu, bħala Gvern, li dawn il-programmi, permezz ta’ riżorsi addizzjonali u li ħa nagħmlu addizzjonali għall-Aġenzija Żgħażagħ, se nkomplu nżidu u nsaħħu dawn l-istess programmi.”
Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti
L-inizjattivi kreattivi li tniedew tul dawn is-snin kienu ta’ impatt sinifikanti fuq il-komunità kreattiva lokali, b’kollaborazzjonijiet ma’ Arts Council Malta, Pjazza Teatru Rjal, Spazju Kreattiv, il-Kummissjoni Maltija tal-Films, il-Malta Film Foundation u l-Iskola tal-Arti.
B’dawn il-programmi ġew offruti opportunitajiet għal żgħażagħ kreattivi biex jiżviluppaw il-vuċi artistika tagħhom, jikkollaboraw ma’ professjonisti tas-settur u jkomplu jibnu ekosistema kreattiva robusta
Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, qalet li dawn il-programmi mhux biss għenu fl-iżvilupp ta’ ħiliet artistiċi, iżda wkoll fis-sens ta’ appartenenza u empowerment.
“Illum l-Aġenzija Żgħażagħ organizzat attività fejn ġew flimkien żgħażagħ kreattivi li kienet għenet tul dawn l-aħħar snin, biex kienet okkażjoni fejn saret riflessjoni dwar il-benefiċċju tal-programmi kreattivi taż-żgħażagħ, kif ukoll tal-ħiliet u affarijiet oħrajn li ggwadanjaw dawn iż-żgħażagħ kreattivi.”
Miriam Theuma, Kap Eżekuttiv, Aġenzija Żgħażaġħ