Waqt laqgħa tas-sindki u tal-viċi sindki, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, fi preżentazzjoni, qal li l-ħidma tal-Aġenzija tat-Toroq u tal-Infrastruttura se tibbenefika lill-kunsilli lokali.
Il-Ministru spjega li l-aġenzija se tinvesti 700 miljun ewro fuq perjodu ta’ seba’ snin kif imwiegħed fil-programm tal-Gvern. Dan ifisser li l-Gvern se jinvesti bis-sħiħ fir-responsabbiltà li kienet f’idejn il-kunsilli lokali għal għexieren ta’ snin – liema xogħol qatt ma seta’ jsir minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi. B’hekk, il-kunsilli se jispiċċaw b’budget akbar biex iwettqu aktar proġetti li jibbenefikaw lill-komunitajiet fl-irħula u fl-ibliet tagħhom.
Il-Ministru Borg qal li l-Gvern se jiżgura li f’dan il-proċess il-kunsilli lokali jżommu rwol attiv pemezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa mar-reġjuni rispettivi tagħhom.