L-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet tinsab fi proċess ta’ aġġornament tal-istrateġija tagħha b’mod li qed tħares lejn l-aspetti kollha tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet bil-għan li jkunu indirizzati r-realtajiet tal-lum.
L-istrateġija tinkludi mhux biss it-tiġdid leġiżlattiv li huwa meħtieġ imma wkoll aktar diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam.
Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li kien qed jitkellem fit-tieni workshop tan-Network Ewropew tar-Reġistri tal-Artijiet li ġie organizzat f’Malta.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li llum jagħrfu li mal-medda taż-żmien inbidel il-mod kif il-proprjetajiet jinbiegħu u jkunu żviluppati, u sar komuni ħafna li f’binja waħda jkollok faċilitajiet ta’ użu differenti u kunċetti varji ta’ kif tintuża l-arja ta’ binja.
Huwa tenna li l-introduzzjoni ta’ teknoloġija diġitali fir-Reġistru tal-Artijiet hija essenzjali u għalhekk l-aġenzija se tkun qed tinvesti f’sistemi diġitali biex ikun żgurat li l-proċessi fir-Reġistru tal-Artijiet isiru aktar effiċjenti u trasparenti.
Qal, “Dan huwa reġistru importanti li fih jiġu rreġistrati titli ta’ proprjetà li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet kif jista’ jissaħħaħ il-ħidma tiegħu u kif jista’ jkun parti aktar integrali fil-proċess tat-trasferiment u reġistrazzjoni ta’ proprjetà.”
Il-workshop ġie indirizzat ukoll, fost l-oħrajn, mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija, il-Perit Michelle Piccinino, li tkellmet dwar kif l-aġenzija qed taħdem biex tkompli ttejjeb l-operat tagħha u tkun ta’ servizz aqwa u aħjar lil dawk kollha li jkollhom bżonn is-servizzi tal-aġenzija.
Qalet, “Dan huwa importanti ħafna għalina. L-ewwel nies dan il-workshop aħna nkunu qegħdin naqsmu esperjenzi u tagħrif li bħala aġenziji nkunu qegħdin nesperjenzaw fix-xogħol tagħna ta’ kuljum. Però fl-istess ħin hija opportunità fejn inkunu qegħdin naraw aġenziji oħrajn kif qegħdin jiżviluppaw u elementi oħrajn li aħna nkunu nistgħu naddottaw fix-ogħol tagħna biex inwettqu s-servizz tagħna aħjar.”