Malta hija fost dawk id-destinazzjonijiet turistiċi li l-postijiet għalihom għal Mejju ilhom mill-bidu ta’ April li ġew ibbukkjati mija fil-mija mal-LuxairTours, l-operatur tal-ivvjaġġar tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru tal-Lussemburgu, Luxair.
Il-ġurnal Lussemburgiż L’Essentiel ikkwota lill-aġenzija tgħid li Malta, Madeira, Heraklion, Rodi, Cabo Verde, Valenzja, u Jerez huma prattikament mimlijin.
Il-gazzetta rrimarkat li, hekk kif bdew il-jiem sbieħ tar-rebbiegħa, in-nies iridu jiskopru d-destinazzjonijiet l-aktar klassiċi biex igawdu x-xemx, ix-xtut, in-natura, u l-pajsaġġi.
L-aħħar statistika uffiċjali disponibbli turi li, bħala medja, il-vjaġġaturi mil-Lussemburgu jonfqu mal-elf ewro r-ras meta jsiefru għal btala. Bħala medja, in-nies tal-Lussemburgu jieħdu 3.4 btajjel fis-sena kull wieħed.