L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s, ikkonfermat ir-rating ta’ A2 għall-ekonomija Maltija u tejbet il-prospetti tagħha għal Malta għal “stabbli”.
L-esperti ta’ din l-aġenzija, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, taw tliet raġunijiet għaliex bidlu l-mod ta’ kif qed iħarsu lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-ewwel raġuni li taw hija d-diversifikazzjoni tal-ekonomija ta’ Malta, li turi l-prospetti ta’ tkabbir minkejja l-isfidi globali.
It-tieni raġuni hija li minkejja l-kriżi tal-enerġija li qed tpoġġi sfidi quddiem il-finanzi pubbliċi, Moody’s tistenna li l-konsolidazzjoni fiskali tkompli b’mod gradwali.
It-tielet raġuni li semmiet l-aġenzija hija t-tneħħija ta’ Malta minn fuq il-lista l-griża tal-FATF, li fi kliemha, tixhed l-impenn tal-awtoritajiet fejn jidħlu r-riformi istituzzjonali.
L-esperti ta’ Moody’s qalu li r-rating ta’ A2 jibbilanċja l-ekonomija Maltija, li hija b’saħħitha u qed tikber.
Moody’s tbassar li l-ekonomija ta’ Malta din is-sena se tikber b’sitta fil-mija, sostnut ukoll bit-tkabbir b’saħħtu li esperjenza pajjiżna fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.
Din l-aġenzija semmiet li ż-żieda fid-domanda domestika, l-esportazzjoni tas-servizzi, u l-irkupru fis-settur tat-turiżmu, għenu lil Malta toħroġ mill-pandemija.
L-esperti jelenkaw il-livelli rekord ta’ nies f’impjieg li laħaq pajjiżna.
Moody’s qed tistenna li d-defiċit tal-Gvern ikompli jonqos matul is-sentejn li ġejjin u jilħaq il-ħamsa punt tmienja fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross din is-sena, ħamsa punt sitta fil-mija s-sena d-dieħla, u erbgħa punt sebgħa fil-mija fl-2024.
Meta rrimarkat it-tneħħija ta’ Malta minn fuq il-lista l-griża tal-FATF aktar kmieni din is-sena, Moody’s iddeskrivietha bħala kisba importanti għall-pajjiż.
Moody’s qalet li l-fatt li Malta tneħħiet minn fuq il-lista l-griża fi żmien tant qasir, juri l-impenn b’saħħtu tal-awtoritajiet lokali li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali u jsaħħu l-istituzzjonijiet.
L-esperti qalu li dan għandu jtejjeb in-negozju u jgħin lis-settur tat-taxxa.
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-bidla fit-tbassir ta’ Moody’s għar-rating ta’ Malta u qal li dan juri li d-diversifikazzjoni f’pajjiżna se twassal għal aktar tkabbir fl-ekonomija, minkejja l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja kollha.
Huwa tenna li l-finanzi pubbliċi se jitjiebu anki jekk il-Gvern qed jiddedika għajnuna sostanzjali biex jissapporta l-familji u n-negozji.