L-aġenzija servizz.gov li f’ħames snin biss biddlet għalkollox il-kunċett ta’ kif is-Servizz Pubbliku jwassal is-servizzi tiegħu, ser tkompli ssaħħaħ l-istorja ta’ suċċess permezz ta’ kwartieri ġodda fil-Mosta biex b’hekk tibqa’ katalista fil-qabża kbira fil-fiduċja tan-nies fis-Servizz Pubbliku.
Dan kien il-messaġġ għadda s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar meta żar il-kwartieri ġodda ta’ servizz.gov li se jiġu inawgurati dalwaqt.
Is-Sur Cutajar ġie milqugħ u mdawwar mal-post mill-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, is-Sur Massimo Vella, u membri oħra tal-management tal-aġenzija. Aktar tard is-Sur Cutajar żar ukoll wieħed miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov – dak ta’ Ħal Qormi, li se joffri l-opportunità lill-uffiċjali pubbliċi biex jaħdmu b’mod remot minn ġo fih.
Waqt iż-żjarat tiegħu fil-kwartieri l-ġodda kif ukoll f’wieħed miċ-ċentri reġjonali f’Ħal Qormi, is-Sur Cutajar elenka wħud mis-suċċessi ta’ servizz.gov f’dawn l-aħħar snin, li matulhom wettaq l-għan tas-Servizz Pubbliku li jqarreb is-servizzi lejn iċ-ċittadin u b’hekk tejjeb drastikament l-esperjenza tal-klijent meta jiġi bżonn dawn is-servizzi.
Hu semma kif minn ħames ċentri reġjonali fil-bidu tiegħu, illum servizz.gov għandu 24 ċentru li kull wieħed minnhom iwassal 1500 servizz taħt saqaf wieħed. Fuq il-freephone 153, illum servizz.gov jirċievi mas-60,000 telefonata fix-xahar – qabża kbira meta mqabbla maċ-ċifra ta’ 2000 telefonata ħames snin ilu.
Dan minbarra s-servizzi governattivi miġburin f’sit elettroniku wieħed flimkien mal-formoli relevanti, kif ukoll il-mobile app maltapps li kompliet tagħmel is-servizzi tal-gvern aċċessibbli minn kullimkien 24 siegħa kuljum.