L-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Socjali, l-FSWS ilha għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena taħdem għall-ġid tas-soċjetà.
F’għeluq dan l-anniversarju, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Alfre Grixti qal li pajjiżna qed jirnexxielu jegħleb b’suċċess bosta dipendenzi fosthom il-vizzju tad-droga.
Imqabbel ma’ pajjiżi oħra, fl-2017 kienu madwar ħames persuni minn kull elf li għamlu użu minn sustanzi illeċiti. Żied li llum huma ħafna aktar il-Maltin li qed ifittxu l-għajnuna waqt li n-numru ta’ persuni li jagħmlu użu mid-Detox huwa stabbli.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-FSWS Joe Gerada qal li l-problemi li jġibu magħhom d-droga u l-alkohol jinbidlu maż-żmien u għalhekk il-bżonn li l-aġenzija tkompli taddatta għaż-żminijiet.
Saħaq li l-aġenzija SEDQA qed taħdem fuq programmi ta’ prevenzjoni biex il-pubbliku ma jinħakimx minn dawn il-vizzji.
Id-direttur tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija SEDQA, Charles Scerri qal li l-kunċett tas-servizzi residenzjali ġie rrinovat sabiex joffri programm ta’ għajnuna multi-dixxiplinarju.
“Mudell ieħor uniku għall-aġenzija SEDQA huwa l-kunċett multidixxiplinarju fejn fiha, fi ħdanha timpjega tobba, careworkers, nurses, social workers, terapisti, li flimkien ikunu qed ifasslu pjan ta’ kura sabiex verament noffru pjan ħolistiku għar-residenti tagħna.”
Stqarr li llum l-aġenzija qed tagħti iżjed importanza l-introduzzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ dawk li jkunu bdew jegħlbu l-vizzji.
Charles Scerri qal: “Sakemm wieħed ikun sheltered, f’programm residenzjali, huwa mod. X’ħin joħroġ hemm barra ħa jerġa jiltaqa’ possibbilment ma’ sfidi ġodda. Jiġifieri hemmhekk fejn qed insaħħu, dak il-kunċett f’dik il-fażi sabiex verament nippruvaw ngħinu lil dak li jkun b’suċċess.”
Dan l-anniversarju se jitfakkar b’lecture li se jsir l-Erbgħa mit-Tabiba Maria Sciberras li bniet il-pedamenti għal din il-ġlieda li għal dawn l-aħħar 25 sena kompliet b’suċċess l-Aġenzija SEDQA.