Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann estenda Ġnien Patri Spiteri Donat, bħala parti mill-iskema ta’ proġetti fil-komunità, li l-LESA qed tiffinanzja madwar il-pajjiż permezz ta’ flus li jidħlu mit-taħrikiet.
Wara li taqta’ l-ispejjeż amministrattivi, il-LESA tgħaddi il-flus f’fond biex jiffinanzja proġetti suġġeriti mill-kunsilli nfushom.
Fl-aħħar tliet snin, dan il-fond iffinanzja xejn inqas minn sittin proġett imressqin mill-kunsilli nfushom b’nefqa ta’ madwar tliet miljun ewro, waqt li din is-sena l-LESA se tkun qed tinvesti kważi żewġ miljun ewro oħra fuq tnejn u tletin proġett ġdid f’Malta u f’Għawdex.
F’diskors, waqt l-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-ġnien, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li l-proġetti fil-komunità jvarjaw minn dawk ambjentali u spazji miftuħa, għal titjib tas-sigurtà fil-komunità u anke għal trasport nadif għar-residenti.
Qal, “Dak li sa ftit xhur ilu kien spazju żdingat f’San Ġwann, illum hi żona rriġenerata, anke grazzi għall-fondi mill-aġenzija LESA. Kommessi li, permezz dawn il-fondi, inkomplu ninvestu proprju fil-qalba tal-komunitajiet anke bi sħab ma’ diversi kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill ta’ San Ġwann għax-xogħol li sar f’dan il-ġnien.
Qalet, “Dan il-proġett ta’ spazju miftuħ hu frott il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, permezz ta’ ftehim bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, biex ikunu l-kunsilli lokali li jippreżentaw il-proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom. Se jkunu, fl-aħħar mill-aħħar, il-familji ta’ San Ġwann u dawk kollha li jiġu jżuru din iż-żona li jgawdu dan l-ispazju miftuħ.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, u l-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores.