Il-Gvern ta donazzjoni ta’ €10,000 lill-Fondazzjoni RISE, grazzi għall-flus miġbura mill-Aġenzija LESA mill-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku.
Din ingħatat waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li llum jgħixu fil-komunità, fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores.
Dawn il-fondi ngħataw bil-għan li din il-fondazzjoni tkompli tgħin priġunieri li jfittxu s-servizzi tagħha meta jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA qal li din għandha obbligu lejn il-komunità li taqdi, u li b’din id-donazzjoni se tkompli tkun ta’ spalla għall-Fondazzjoni biex tgħin persuni li skontaw sentenza ħabs, u jridu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Huwa stqarr: “Id-dixxiplina hija importanti fit-toroq tagħna imma tant ieħor huwa importanti li l-Aġenzija LESA b’dak li tiġbor permezz tal-infurzar tar-regoli tal-pajjiż terġa’ tinvesti lura fis-soċjetà. U propju għal dan il-għan l-Aġenzija se tkun qed lill-Fondazzjoni RISE li żgur illi b’dawn il-fondi li ħa jkunu qed qed jingħataw, il-Fondazzjoni se tkun qed tinvesti fil-persuni li ħa nkunu qed jrrijabilitaw ruħhom wara li jkunu skontaw is-sentenza fil-ħabs.”
Il-Ministru Byron Camilleri laqa’ b’sodisfazzjoni din id-donazzjoni, li fi kliemu se tgħin lill-priġunieri jirrijabilitaw ruħhom u jintegraw lura fis-soċjetà bħala persuni aħjar.
Huwa qal, “B’sodisfazjon nilqa’ din id-donazzjoni li qed tagħti l-Aġenzija LESA lill-Fondazzjoni RISE sabiex ir-riabilitazjoni vera ta’ dawn il-persuni isir u jiġu introdotti lura fil-komunitajiet tagħna bħala persuni aħjar.”